Saturday, December 21, 2024

Malta tilqa’ donazzjoni ta’ nofs miljun maskra tal-wiċċ mingħand PRAUDE Asset Management Ltd

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista laqgħu donazzjoni ta’ nofs miljun maskra protettiva mingħand PRAUDE Asset Management Ltd, kumpanija bbażata f’Malta b’kuntatti mar-reġjun ta’ Veneto fl-Italja. Il-maskri, li ġew manifatturati fl-istess reġjun, inġiebu Malta grazzi għall-inizjattiva tal-Avukat Massimo Malvestio, Chairman ta’ PRAUDE Asset Management Ltd, bil-koperazzjoni sħiħa tal-Ambaxxata Maltija fl-Italja, l-Air Malta u l-uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

F’ittra, il-President tar-Reġjun ta’ Veneto Luca Zaia faħħar il-ġest tal-Avukat Malvestio, ċittadin tar-reġjun, u tkellem dwar l-importanza li l-komunitajiet isegwu eżempji bħal dawn ta’ kif għandhom jgħinu lil xulxin fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19, li qasmet kull fruntiera u misset kull nazzjonalità.

Il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza tal-koperazzjoni globali fil-ġlieda kontra dan l-għadu inviżibbli iżda omnipreżenti. Saħaq dwar l-essenzjalità tal-koperazzjoni intra-reġjunali fost pajjiżi tal-viċinat tal-Mediterran u fakkar li ftit tal-jiem qabel ipparteċipa f’konferenza virtwali mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, fejn tenna l-ħtieġa ta’ ħidma konġunta u ta’ appoġġ lill-Afrika, partikolarment lil-Libja.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif l-Awtorità dwar il-Mediċini, li se tkompli tqassam dawn il-maskri protettivi, qed tissorvelja x-xenarju dinamiku tal-COVID-19 u tindirizza b’mod proattiv il-ħtiġijiet mediċi tal-pajjiż. Permezz ta’ inizjattivi koordinati, it-taqsima għall-Intelliġenza u l-Aċċessibbiltà tal-Mediċini ,b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u d-distributuri farmaċewtiċi, qed jgħinu fil-provenjenza u fil-provvista ta’ mediċini u ta’ apparat mediku sabiex tiġi assigurata aċċessibbiltà kontinwa għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin.

Il-maskri se jingħataw lill-entitajiet f’Malta u f’Għawdex li jeħtieġu dan l-apparat protettiv biex ikomplu jwettqu doveri essenzjali fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19.

Ekonomija

Sport