Tuesday, April 8, 2025

Malta timmira li t-tielet rebħa fi Grupp C2 fil-UEFA Nations league tan-Nisa kontra Georgia

Aqra wkoll

Illum it-Tlieta, Malta taffronta lil Georgia fis-Centenary Stadium,  fit-tieni partita minn tnejn kontra dan it-team u qed  tfittez li tkompli tibni fuq ir-rebħa barra minn xtutna tal-ġimgħa li għaddiet biex tibqa’ timmira għall-promozzjoni u potenzjalment l-ewwel post ta Grupp C2 tal-UEFA Nations League tan-Nisa.

It-tfajliet Maltin ipproduċew wirja impressjonanti fl-ewwel taqsima fi Tbilisi nhar il-Ġimgħa li għadda, b’Maria Farrugia ssib ix-xibka darbtejn filwaqt li Haley Bugeja żiedet goal ieħor. Minkejja li naqset milli tkabbar l-vantaġġ tagħha fit-tieni taqsima, Malta żammet sod għar-rebħa minkejja li Georgia għamlu rimonta tajba wara żball difensiv u mbagħad skorjaw penalty fil-ħin miżjud.

Il-coach nazzjonali, Manuela Tesse, qed tantiċipa logħba diffiċli kontra team organizzat tajjeb ħafna filwaqt li rrikonixxiet it-theddia mill-attakkanta tagħhom,Teona Bakradze. Madankollu, Tesse temmen li l-logħba tal-lum se tipprovdi spinta sinjifikanti.

“Li nilagħbu f’pajjiżna huwa dejjem vantaġġ għax għandna l-appoġġ tal-partitarji tagħna u dan jagħtina motivazzjoni żejda,” qalet il-coach Taljana.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-aħbarijiet tat-team, il-captain ta’ Malta Emma Lipman mhux se tkun disponibbli hekk kif se tkun qed tiskonta partita sospensjoni wara li ntwereiet it-tieni safra fil-kompetizzjoni iżda Charlene Zammit tirritorna wara li tilfet ir-rebħa barra minn darna kontra Georgia għax kienet sospiża.

Bħalissa, Malta tinsab b’sitt punti f’dan il-grupp, punt wieħed taħt il-leaders Ċipru wara li fl-aħħar ħarġa tagħhom ġew miżmuma fi draw minn Andorra. Meta fadal tliet logħbiet, Malta hija determinata li żżomm il-momentum pożittiv u tirreplika s-suċċess mill-ewwel edizzjoni tan-Nations League.

Il-logħba se tintlagħab fis-Centenary Stadium, fis-7.00 pm u se tkun imxandra b’mod dirett fuq TVMSport+,  bil-biljetti huma disponibbli wkoll mis-sit elettroniku tal-Malta FA.

Il-partitarji mistennija jkollhom irwol vitali hekk kif Malta timmira li  tkompli l-mixja qawwija tagħha fil-kompetizzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport