Plejer tal-football Ġermaniż ta’ 35 sena, magħruf bħala Marius, ġie arrestat fuq suspett li avvelena b’mod sigriet lil sieħbu tat-team waqt vjaġġ fi tmiem l-istaġun.
L-inċident seħħ waqt vjaġġ li l-players tat-team dilettant TuS Rockenberg għamlu lejn Dresden biex jiċċelebraw it-tmiem tal-istaġun.
Waqt il-vjaġġ, Philipp, player ieħor tat-team ta’ 30 sena, beda jħossu ma jiflaħx. Meta rritorna d-dar, il-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar u l-familja tiegħu ċemplet lis-servizzi tal-emerġenza. Huwa ttieħed l-isptar, iżda sfortunatament miet, fis-16 ta’ Ġunju 2025, minkejja l-isforzi tat-tobba biex isalvawlu ħajtu.
Għall-ewwel, il-familja ssuspettat li Philipp seta’ marad minħabba avvelenament mill-ikel wara li kiel ħut waqt il-vjaġġ. Madankollu, investigazzjoni sussegwenti sabet li l-kawża uffiċjali tal-mewt kienet falliment ta’ diversi organi kkawżat minn avvelenament.
Marius ġie identifikat bħala suspettat u bħalissa jinsab detenut. L-awtoritajiet jemmnu li l-att seta’ kien motivat minn vendetta. Huwa għadu ma nstabx ħati u l-investigazzjoni għadha għaddejja.




