Illum, għall-ħabta ta’ nofsillejl, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Tal-Barrani, iż-Żejtun.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur KSR Moto TW 125 misjuq minn raġel min-Nepal ta’ 21 sena residenti l-Gżira u mutur Yamaha MTN690-A misjuq minn mara ta’ 28 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lis-sewwieqa l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel kien iċċertifikat bi ġrieħi serji filwaqt li l-mara kienet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat Dr Monica Borg Galea LL.D ġiet infurmata u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-inċident għadhom għaddejjin.

