Edgar Degabriele rriżenja mill-kariga ta’ coach ta’ Birżebbuġa St. Peter’s b’effett immedjat. Il-club aċċetta r-riżenja tiegħu u rringrazzjah għall-ħidma u l-kontribut tiegħu matul iż-żmien li dam imexxi t-tim.
Fi stqarrija, il-club qal li Degabriele kellu rwol importanti f’wieħed mill-aktar perjodi sinifikanti fl-istorja riċenti tiegħu. Taħt it-tmexxija tiegħu, Birżebbuġa St. Peter’s għamlu l-istorja billi kisbu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni tal-football Malti u rebħu wkoll iċ-Challenge Cup.
Il-club saħaq li dawn is-suċċessi se jibqgħu parti importanti mill-istorja tiegħu u jirrappreżentaw kontribuzzjoni li għaliha Degabriele se jibqa’ rikonoxxut.
Ketan Makwana, il-viċi-president anzjan u s-CEO tal-club esprima l-apprezzament tiegħu lejn Degabriele, u qal li s-suċċessi miksuba taħt it-tmexxija tiegħu m’għandhomx jintesew.
Makwana żied jgħid li, minkejja li xi kultant il-bidla tkun meħtieġa fil-football, dan m’għandux inaqqas mill-kisbiet li nkisbu flimkien.
Il-club diġà beda jaħdem dwar it-tmexxija sportiva futura u mistenni jħabbar il-coach il-ġdid fi żmien qasir.
L-erba partiti li Birżebbuġa lagħbu fl-ogħla diviżjoni kienu kontra Floriana (0-3), Zabbar St Patrick (0-1), Sliema Wanderers (1-2) u Balzan (0-3).
Filwaqt li huma għadhom qed ifittxu l-ewwel punti … l-ewwel goal fl-ogħla diviżjoni fl-istorja tal-club ġie skorjat minn Alex Bruno De Souza Silva, fis-57 minuta, meta kiseb id-draw momentarju kontra Sliema Wanderers, fil-partita li nltagħbet nhar it-30 ta’ Awwissu.




