Il-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli, flimkien ma’ Transport Malta u Malta Public Transport, ħabbru tliet rotot ċirkolari ġodda li se jidħlu fis-seħħ mit-8 ta’ Settembru u li se jkopru l-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, Ħal Qormi u ż-Żejtun. Bi frekwenza kull 30 minuta minn kmieni filgħodu sa tard billejl, dawn ir-rotot se jkomplu jsaħħu n-netwerk tat-trasport pubbliku bħala parti mill-ħidma kontinwa biex dan is-servizz ikun aktar aċċessibbli, konvenjenti u mfassal skont id-domanda tal-komunitajiet.
Dawn ir-rotot ċirkolari qed jiżdiedu ma’ oħrajn simili li ġew introdotti fl-aħħar xhur inkluż Buġibba (406), Raħal Ġdid (401), Mosta/Ta’ Qali (405) u Marsaskala (191).
Ir-rotta 410 se topera f’Tas-Sliema, lokalità li matul dawn l-aħħar snin kompliet tiżviluppa bħala ċentru kummerċjali u turistiku importanti u li llum għandha wkoll konnessjoni ma’ Għawdex, Buġibba u l-Belt Valletta permezz tal-ferry.
Ir-rotta 409 se sservi Ħal Qormi, lokalità fiċ-ċentru ta’ Malta li llum għandha żona kummerċjali importanti, filwaqt li tinsab qrib il-Park & Ride li minnu jgħaddu numru sostanzjali ta’ rotot.
Ir-rotta 407 se taħdem madwar iż-Żejtun u tiffaċilita l-aċċess lejn iċ-ċentru tal-lokalità, fejn jinsabu numru ta’ servizzi pubbliċi u attivitajiet oħra. Is-servizz huwa maħsub ukoll biex jgħin lil dawk li jgħixu fil-periferija tal-lokalità, partikolarment persuni anzjani, biex ikollhom aċċess aktar faċli għaċ-ċentru.
Il-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli, Chris Bonett qal li ż-żieda fin-numru ta’ karozzi tal-linja ċirkolari qed iseħħ bħala parti mill-pjan Malta in Motion, b’dawn ir-rotot maħsuba li jikkumplimentaw is-servizz ta’ Tallinja l-ġdid li jibda mis-sena 2030, u fil-futur, il-La Valletta Line.
“Il-bidliet fit-trasport pubbliku jridu jiġu introdotti b’mod gradwali u għalhekk qed indaħħlu fis-seħħ dawn is-servizzi minn issa, filwaqt li għaddej ix-xogħol biex jitfassal in-netwerk il-ġdid bl-għan li jsiru bidliet effettivi bbażati fuq il-ħtiġijiet tan-nies. Minbarra t-tliet rotot li se jidħlu fis-seħħ mit-8 ta’ Settembru, il-ħidma se tkompli fis-sena d-dieħla, hekk kif fl-ewwel nofs tal-2027 se jiġu introdotti tliet rotot ċirkolari oħra, li se jkopru r-Rabat, Pembroke u s-Swieqi, kif ukoll il-Kottonera. B’hekk, il-Gvern se jkun qed ikompli jespandi gradwalment dan it-tip ta’ servizz lejn aktar komunitajiet,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu, Leonid McKay Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta qal “Dan huwa pass ieħor konkret mill-Gvern biex inkomplu nibnu sistema tat-trasport pubbliku li tpoġġi lin-nies u l-komunitajiet fiċ-ċentru. Meta d-domanda tikber, irridu nwieġbu b’aktar servizz, aktar konnettività u aktar għażla. B’dawn ir-rotot ċirkolari qed inwasslu t-trasport pubbliku aktar qrib ir-residenti, inkluż f’żoni li qabel ma kinux moqdija, filwaqt li nkomplu ninvestu f’mezzi aktar nodfa u sostenibbli. Dan huwa t-tip ta’ trasport pubbliku li rridu għal pajjiżna: servizz affidabbli, effiċjenti u li jagħti kas l-aspett soċjali ta’ kull min jagħmel użu minn dan is-servizz, li jagħti alternattiva vera għall-karozza privata u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-komunitajiet tagħna.”
Konrad Pule, General Manager tal-Malta Public Transport qal “L-introduzzjoni ta’ dawn ir-rotot ċirkolari ġodda, li se jkunu qed joperaw b’vetturi elettriċi, tirrifletti d-djalogu kontinwu bejn Malta Public Transport, il-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli u Transport Malta, hekk kif inkomplu nadattaw is-servizz għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu u nappoġġjaw netwerk li qed iġorr aktar passiġġieri minn sena għal sena. Dan l-iżvilupp jikkumplimenta l-investiment kontinwu tagħna fil-flotta tal-karozzi tal-linja, inkluż l-elettrifikazzjoni tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex, kif ukoll l-investiment kontinwu fl-impjegati tagħna.”
It-tliet rotot ġodda li jibdew illum huma pass ieħor fit-tfassil gradwali ta’ sistema ta’ trasport pubbliku aktar lokali, aktar integrata u aktar adattata għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri.

