Malta dalgħodu iċċelebrat Jum il-Vitorja. Ġurnata importanti fl-istorja ta’ pajjiżna li fakkret ir-rebħa tal-Assedju l-Kbir tal-1565, it-tmiem tal-ħakma Franċiża fl-1800 u tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1943.
Din il-ġurnata taħbat ukoll mal-kommemorazzjoni tat-twelid tal-Verġni Marija, magħrufa aħjar bħala l-Bambina, festa li kienet iċċelebrata fil-belt tal-Isla, u l-irħula tan-Naxxar u l-Mellieħa f’Malta, u x-Xagħra f’Għawdex.

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja, il-Kumitat Festi Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta organizza diversi attivitajiet.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-lum bdew b’marċ fid-9.05 a.m. mill-Kontinġent u l-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta minn Misraħ il-Ħelsien fil-Belt Valletta sa Misraħ San Ġwann.
Mal-wasla tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, ingħatat salut nazzjonali u spezzjonat il-Gwardja tal-Unur. Wara mbagħad saret quddiesa pontifikali mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Iċ-ċelebrazzjonijiet issoktaw fil-Belt Valletta bit-tqegħid ta’ kuruna mal-monument tal-Assedju mill-President ta’ Malta. Wara, il-Kumitat Festi Nazzjonali fakkar Jum il-Vitorja permezz ta’ tqegħid ta’ kuruna fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Paola fejn ġew imfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan ġie segwit minn ċerimonja simbolika fuq il-qabar tal-Vittmi tal-Assedju l-Kbir f’Forti Sant’Anġlu, il-Birgu. Wara sar ukoll tqegħid ta’ kuruna mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla kif ukoll mal-Monument tal-Vitorja fil-Birgu.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ġew fi tmiemhom bir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir.
Intant, it-Tnejn filgħaxija, f’Misraħ l-Assedju, il-Belt Valletta, saret ukoll ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela u mir-Rappreżentant tal-Oppożizzjoni Alex Perici Calascione, persuni distinti u korpi kostitwiti.

