Malta fuq quddiem fit-turiżmu globali bil-WTTC Global Summit

Il-WTTC Global Summit se jittella’ f’Malta bejn is-7 u d-9 ta’ Ottubru 2026

Aqra wkoll

Bejn is-7 u d-9 ta’ Ottubru 2026 pajjiżna se jospita l-World Travel & Tourism Council (WTTC) Global Summit, avveniment ta’ importanza internazzjonali li jġib flimkien mexxejja globali tat-turiżmu, investituri, dawk li jfasslu l-politika u esperti mill-industrija minn madwar id-dinja.

Dan jkompli jibni fuq il-ħidma ta’ pajjiżna lejn turiżmu ta’ kwalità, sostenibbli u lest għall-futur u huwa rikonoxximent tal-pożizzjoni dejjem tikber ta’ Malta fix-xena turistika internazzjonali u tal-fiduċja li pajjiżna kiseb bħala destinazzjoni kompetittiva, ambizzjuża u li tħares lejn il-futur.

Pajjiżna se jilqa’ aktar minn 200 mexxej fis-settur tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu. Is-Summit se jkun pjattaforma importanti għall-kollaborazzjoni, għall-investiment u għall-iskambju tal-għarfien, filwaqt li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-komunità turistika globali u joħloq opportunitajiet ġodda ta’ negozju u investiment.

Malta se tkun qed turi kif destinazzjoni b’wirt u tradizzjoni qawwija tista’ tħaddan l-innovazzjoni u t-teknoloġija mingħajr ma titlef l-awtentiċità tagħha. L-element uman tal-ospitalità jibqa’ fil-qalba tal-esperjenza turistika.

Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li Malta mhix qed tospita dan is-Summit sempliċiment biex nuru x’għandna f’pajjiżna, iżda biex nuru fejn irridu mmorru. Tenna kif l-ambizzjoni ta’ pajjiżna hija li nkomplu nibnu destinazzjoni turistika ta’ kwalità, sostenibbli u innovattiva, li toħloq valur għall-ekonomija u esperjenza aħjar għall-viżitaturi.

“Il-viżjoni tagħna hija ċara, irridu turiżmu ta’ kwalità li joħloq valur. Dan ifisser li se nkomplu nsaħħu l-investiment fl-infrastruttura, fil-konnettività u fl-innovazzjoni, se nkomplu ntejbu l-esperjenza tal-viżitatur, filwaqt li nipproteġu dak li jagħmel lil Malta unika bl-identità, il-wirt, l-ambjent u l-ospitalità tagħna. Waqt il-WTTC Global Summit, Malta se turi mhux biss fejn tinsab illum, iżda fejn qed tħares li tkun għada: destinazzjoni aktar ta’ kwalità, sostenibbli, reżiljenti u lesta għall-futur,” temm jgħid Dr Abela.

Gloria Guevara, President u Kap Eżekuttiv tal-WTTC, qalet kif Malta se tkun fiċ-ċentru tal-konverżazzjoni globali dwar l-Ivvjaġġar u t-Turiżmu. “Aħna grati lejn il-Gvern ta’ Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-appoġġ kbir tagħhom biex din il-laqgħa globali tinġieb Malta, u nħarsu ’l quddiem biex nuru l-istorja turistika straordinarja ta’ Malta filwaqt li naħdmu flimkien biex insawru futur aktar reżiljenti, innovattiv u sostenibbli għas-settur tagħna.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal “L-ospitar tal-WTTC Global Summit huwa opportunità biex nippreżentaw lil Malta mhux biss bħala d-destinazzjoni li aħna llum, iżda bħala d-destinazzjoni li qed nibnu għall-futur. L-enfasi tagħna hija b’mod sod fuq il-kwalità, biex noffru esperjenzi aħjar lill-viżitaturi u noħolqu valur fit-tul, filwaqt li nipproteġu l-komunitajiet, il-wirt u l-identità tagħna”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport