“Il-kuxjenza tagħna trid tagħraf ir-rebħiet li rridu naħdmu għalihom illum u fis-snin li ġejjin”

- l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi 

Aqra wkoll

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi stqarr li l-festa tal-Vitorja mhijiex biss tifkira ta’ rebħiet tal-imgħoddi imma hi stedina biex nagħmlu mistoqsija li tmiss il-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna: x’inhuma r-rebħiet li Malta hi msejħa taħdem għalihom illum? Huwa ddikjara li l-kuxjenza tagħna trid tagħraf ir-rebħiet li rridu naħdmu għalihom illum u fis-snin li ġejjin. 

Fl-omelija tiegħu fl-okkażjoni tal-festa ta’ Jum il-Vitorja, l-Isqof Galea-Curmi qal li l-ewwel rebħa li qatt m’għandna nieqfu naħdmu għaliha hi r-rebħa tal-ħajja fuq il-kultura tal-mewt. Qal li l-ħajja umana mhijiex proprjetà tagħna, u lanqas oġġett li l-valur tiegħu jiddependi mill-età, mis-saħħa, mill-produttività jew mill-konvenjenza.

“Hija l-ewwel don t’Alla, mogħti lilna biex inħarsuh u nħobbuh, u nagħmlu dan billi nipproteġu l-ħajja mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha,” qal l-Isqof Awżiljarju. 

Rebħa oħra li tkellem dwarha kienet dik li sejħilha “r-rebħa tal-verità fuq il-gideb”. Qal li qatt ma kellna tant mezzi ta’ komunikazzjoni daqs illum u, madanakollu, qatt ma jidher daqshekk diffiċli li nagħrfu l-verità u nagħmlu d-distinzjoni bejn dak li hu veru u dak li hu falz.

L-Isqof Awżiljarju qal li pajjiżna għandu bżonn nisa u rġiel li jħobbu l-verità aktar mill-popolarità, li jfittxu dak li hu sewwa aktar minn dak li hu konvenjenti, u li jifhmu li l-fiduċja tinbena mhux bi kliem li jinstema’ sabiħ iżda bl-onestà.

Huwa kompla jgħid li rebħa oħra li għandna dejjem naħdmu għaliha f’pajjiżna hi dik tal-integrità fuq “il-flaġell tal-korruzzjoni” – il-korruzzjoni li qal li tnawwar il-fibra morali tas-soċjetà. Qal li rridu naħdmu għar-rebħa tal-integrità, li hi l-pedament ta’ soċjetà ġusta. 

Rebħa oħra kruċjali li rridu naħdmu għaliha, qal l-Isqof Awżiljarju, hi r-rebħa tal-ħarsien tal-ħolqien fuq dak li sejjaħlu “l-massakru ambjentali” – assedju li laqat lill-gżejjer tagħna. Qal li nieħdu ħsieb l-ambjent hi responsabiltà kbira ħafna u urġenti li għandna fuq spallejna. 

“L-art mhijiex tagħna biss; hi don li rċevejna u rridu ngħadduh b’responsabbiltà lil dawk li jiġu warajna. Il-ġenerazzjonijiet li ġejjin għandhom id-dritt jirċievu pajjiż li ma nkunux kerrahnieh bi sfreġji irreversibbli minħabba l-għażliet tagħna, iżda jkun aktar sabiħ, aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli. Ma jkunx hemm rebħa jekk uliedna jkollhom jieħdu nifs f’arja mniġġsa flok f’arja nadifa,” qal l-Isqof Awżiljarju. 

Finalment huwa qal li rebħa oħra li rridu naħdmu għaliha hi “r-rebħa tal-progress ta’ dawk vulnerabbli fuq l-emarġinazzjoni tagħhom.” Tenna li “l-kejl ta’ pajjiż mhuwiex biss kemm jipproduċi ġid, iżda kemm juri umanità lejn kull persuna, b’mod speċjali dawk vulnerabbli, dawk dgħajfa, irrispettivament min jekk hux Malti jew barrani.”

“Is-saħħa tas-soċjetà ma titkejjilx mil-lussu ta’ parti minnha. Is-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Għandna naħdmu biex niżguraw li persuni vulnerabbli jirċievu l-kura u l-appoġġ li jeħtieġu, u ma jiġux traskurati, esklużi jew imbuttati lejn il-periferija tas-soċjetà. Irridu niftakru li kull kriżi – bħal dik tal-qtugħ ta’ dawl li kellna ta’ spiss f’dawn l-aħħar xhur – ibatuha l-aktar dawk vulnerabbli. Irridu nibnu soċjetà li tgħożż l-inklużjoni, is-solidarjetà, il-kompassjoni u r-responsabbiltà soċjali, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar f’riskju li jiġu injorati,” tenna l-Isqof Awżiljarju Galea-Curmi. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport