Monday, September 28, 2026
Home Sport Pressjoni biex jinbidel il-format tat-tennis fil-Grand Slams? … il-ħames set jiġi sostitwit...

Pressjoni biex jinbidel il-format tat-tennis fil-Grand Slams? … il-ħames set jiġi sostitwit b’tie-break

0
71

John McEnroe, eks numru wieħed tad-dinja u rebbieħ ta’ seba’ titli maġġuri, ippropona bidla sinifikanti fil-format tat-tennis tal-Grand Slam sabiex jitnaqqsu l-logħbiet li jdumu wisq u jispiċċaw tard bil-lejl. Waqt il-Laver Cup f’Londra, huwa ssuġġerixxa li l-ħames set tradizzjonali fil-logħob tal-irġiel jiġi sostitwit b’super tiebreak ta’ 10 punti meta l-iskor ikun ta’ żewġ sets kull wieħed.

Il-proposta tiegħu ġiet wara l-logħba tal-kwarti-finali tal-US Open bejn Carlos Alcaraz u Ben Shelton, li ntemmet fit-3.33 am. Dan il-ħin estrem qajjem dibattitu ġdid dwar l-effett li għandhom dawn il-logħbiet fuq il-players, l-ispettaturi u l-iskedi tal-kampjonati. McEnroe sostna li, għalkemm il-Grand Slams diġà adottaw tiebreaks fis-set finali, hemm bżonn li jittieħdu aktar passi biex jiġu evitati sessjonijiet twal wisq.

Skont McEnroe, il-format tal-Laver Cup jista’ jservi ta’ eżempju tajjeb, peress li joffri konklużjoni aktar rapida mingħajr ma jnaqqas l-element kompetittiv tal-logħba. Huwa enfasizza wkoll li logħbiet li jispiċċaw fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu ma jagħmlux ġid lill-isport, speċjalment minħabba li ftit telespettaturi jkunu qed isegwuhom.

Anke Alcaraz qal li tmiem tard bħal dawn joħolqu problemi serji għall-irkupru fiżiku tal-atleti. Huwa spjega li wara logħba li tispiċċa fit-3.30 am, il-plejers jaslu lura l-lukanda tard ħafna u ma jmorrux jorqdu qabel is-6.30 am jew is-7.00 am. Dan jista’ jagħti vantaġġ lil avversarji li jkunu spiċċaw jilagħbu aktar kmieni. 

Għalhekk, kemm McEnroe kif ukoll Alcaraz jaqblu li l-awtoritajiet tat-tennis għandhom ifittxu soluzzjonijiet biex jipproteġu lill-players u jtejbu l-organizzazzjoni tal-kampjonati.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here