Il-Partit Laburista jawgura l-edukaturi kollha għal sena skolastika ġdida u jagħżel it-triq tal-pożittività fuq in-negattività ta’ ħaddieħor li kien jixxaħħaħ magħhom meta kellu t-tmun tal-pajjiż f’idejh.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Learning Support Educators ma tistax tkun iktar bogħod mill-verità. Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li l-Gvern mhux isib il-flus biex jimpjega LSEs. Gidba.
Tant hu hekk li kif diġà spjega l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Iport, is-sejħa għal LSEs hija miftuħa s-sena kollha bil-għan li l-Gvern ikompli bl-ingaġġ ta’ din ir-riżorsa importanti fis-settur edukattiv.
Għexieren ta’ LSEs ġodda se jibdew din is-sena skolastika jaħdmu mal-Gvern hekk kif kull min għadda mill-proċess ta’ reklutaġġ kien ingaġġat.
L-edukaturi llum għandhom ukoll l-aqwa kundizzjonijiet li qatt kellhom. Bħalma llum hemm l-ikbar ammont ta’ LSEs li qatt kien hemm fis-sistema edukattiva, b’3,422 LSE u SLEs, imqabbel ma’ 1695 fl-2012.
Dan ifisser li n-numru aktar minn irdoppja u l-Gvern jitfa’ r-riżorsi kollha biex jimpjega kemm meħtieġ.
