Monday, April 29, 2024

Malta tindirizza l-assemblea ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli

Aqra wkoll

Malta kienet fost il-144 pajjiż li tul din il-ġimgħa pparteċipaw fl-assemblea ġenerali tal- Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Rinnovabbli (IRENA), li ltaqgħet f’Abu Dhabi. Waqt din l-14-il sessjoni, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, għaddiet messaġġ b’saħħtu favur l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-importanza li din it-tranżizzjoni tadotta politika b’saħħitha favur il-ħiliet u t-taħriġ tal-ħaddiema.

Tul din l-assemblea ħadu sehem aktar minn 1,300 parteċipant minn madwar id-dinja. Il-Ministru Miriam Dalli tkellmet dwar l-importanza li pajjiżi b’realtajiet differenti jaqsmu l-aħjar prattiċi biex b’hekk jinstabu soluzzjonijiet innovattivi.

“Malta hija impenjata biex tavvanza l-użu tal-enerġija rinnovabbli għal futur aktar nadif u ekoloġiku. Din hija l-ambizzjoni tagħna u bħala pajjiż se nkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni filwaqt li nikkontribwixxu għad-djalogu globali dwar l-enerġija rinnovabbli,” spjegat il-Ministru Dalli.

Fl-indirizz tagħha, il-Ministru tenniet li fl-aħħar snin Malta adottat inizjattivi sinifikanti biex tkun aktar sostenibbli, u spjegat kif il-pajjiż irreġistra tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tal-enerġija bi kważi 60%. Spjegat li dan is-suċċess kien riżultat tal-bidla li l-pajjiż għamel meta qaleb mill-heavy fuel oil għal sorsi ta’ enerġija aktar nodfa. Il-Ministru Dalli spjegat ukoll li Malta qed tħares lejn l-investiment fl-enerġija nadifa kemm fuq l-art, kif ukoll fuq il-baħar.

Il-Ministru Miriam Dalli rrikonoxxiet l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u kompetenzi f’dawn l-oqsma. Fil-fatt, Malta ntalbet biex tingħaqad fl-inizjattiva SIDS Lighthouse, biex stati b’ċirkostanzi simili jaqsmu mhux biss l-għarfien imma jkun t’appoġġ f’oqsma bħalma huma s-sigurtà tal-enerġija, l-affordabbiltà, u jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli.

Il-Ministru kkonkludiet l-intervent tagħha billi saħqet li Malta qed tkun proattiva sabiex tagħti sehem tagħha favur l-azzjoni klimatika. “Inħarsu ’l quddiem biex nwaqqfu l-ewwel awtorità fl-Ewropa li se tkun iffukata fuq l-azzjoni dwar il-klima. Malta se tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha għal futur aktar sostenibbli”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport