Saturday, October 26, 2024

Malta tinsab fid-disa’ post fejn għandha x’taqsam is-sigurtà fit-toroq

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-kumpaniji li jimmanifatturaw il-karozzi, l-ACEA, Malta tinsab fid-disa’ post fejn għandhom x’jaqsmu mwiet fit-toroq għal kull miljun abitant. 

L-aktar toroq siguri huma dawk tal-Iżvezja fejn ġew irrapportati 25 mewt fis-sena għal kull miljun abitant. 

L-agħar rati ta’ mortalità huma fir-reġjuni tal-Lvant tal-Ewropa, fejn l-ogħla rata hi dik tar-Rumanija. Fuq medja Ewropea, ir-rata hi ta’ 49 mewt għal kull miljun abitant. 

Ir-rata ta’ Malta hi ta’ 41 mewt għal kull miljun abitant. 

Skont l-ACEA, l-imwiet fit-toroq naqsu b’mod sinjifikanti fl-aħħar 20 sena. Fl-2001 ġew irreġistrati 54,900 fatalità madwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li fl-2017 dawn iċ-ċifri naqsu għal 25,300. 

Jidher li l-Ewropa għandha l-aktar toroq siguri fid-dinja. 

Minn dan l-istudju jirriżulta li l-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti li wasslu għall-imwiet kienu minħabba żball uman, fosthom distrazzjonijiet. Hu għalhekk li qed jittieħdu passi biex ikun mandatorju li dawk jimmanifatturaw il-karozzi jinstallaw sistemi li jipprovdu assistenza lis-sewwieqa. Dawn jinkludu sistemi intelliġenti li jassistu fil-veloċità tal-karozzi li jridu jiġu implimentati mill-2022 fuq kull vettura ġdida. 

Sport