Wednesday, October 23, 2024

Malta tisħaq fuq il-bżonn ta’ appoġġ finanzjarju Ewropew għas-sajjieda u l-bdiewa f’każijiet ta’ kriżi relatati ma’ diżastri naturali

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendiet għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd bejn it-23 u l-24 ta’ Ottubru f’Lussemburgu, fejn ġew diskussi diversi temi ta’ importanza relatati ma’ dawn is-setturi.

Waqt il-laqgħa, Malta sostniet li l-allokazzjonijiet tal-kwoti tat-tonn bejn il-pajjiżi għandha tinżamm hekk kif miftiehem matul il-laqgħa tal-ICCAT tas-sena l-oħra, u opponiet għal kwalunkwe diskussjoni dwar bidliet li potenzjalment tista’ taffettwa l-kwoti tas-sajjieda Maltin. “Wieħed m’għandux jinsa l-isforzi li għamlu s-sajjieda tagħna, sa mill-2007, bil-għan li naslu għal dan l-irkupru storiku,” fakkret is-Segretarju Parlamentari.

Dr Bugeja Said saħqet  fuq l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, u li jiġi armonizzat il-kontroll u l-infurzar fost il-pajjiżi kollha. Hi appellat u pproponiet emendi fi ħdan il-Kumitat ta’ Kontroll fi ħdan l-ICCAT, biex tiġi assigurata konformità kemm mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi fil-Mediterran.

Fid-dawl ta’ regolamenti ġodda li jinvolvu s-sajd fil-baħar Baltiku, is-Segretarju Parlamentari aċċennat għal darba oħra l-bżonn ta’ equal playing field għas-sajjieda kollha. Kompliet li mhuwiex ġust li proposti bħal dawn iwasslu għal-limitazzjoni ta’ sajd fuq skala żgħira, filwaqt li tippermetti li l-flotot pelaġiċi fuq skala kbira, ikomplu bl-attivitajiet tagħhom.

“Inkompli nenfasizza l-importanza li, sabiex tinkiseb is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut u nipproteġu l-għajxien tas-sajjieda fuq skala żgħira, irridu niżguraw kundizzjonijiet reġjonali ugwali. Irridu naraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu f’ibħra kondiviżi ma’ stati terzi, ma jpoġġux lill-flotta Ewropea fi żvantaġġ,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat fuq l-importanza li jintlaħaq bilanċ bejn il-konservazzjoni ambjentali u l-interessi soċjoekonomiċi tal-Istati Membri u l-komunitajiet tas-sajd. Dan bil-għan li jsibu soluzzjoni li tissalvagwardja kemm l-ekosistema tal-baħar, kif ukoll l-għajxien ta’ dawk kollha li jiddependu minnha.

Waqt il-laqgħa ġiet diskussa wkoll il-bżonnli jkun hemm mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju Ewropew għas-sajjieda u l-bdiewa f’każijiet ta’ kriżi minħabba diżastri naturali. Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat fuq il-bżonn li s-setturi tas-sajd u l-agrikoltura jingħataw għajnuna finanzjarja b’mod dirett u effiċjenti, mingħajr ostakli amministrattivi u proċedurali żejda, sabiex ikunu jistgħu jilqgħu wkoll għall-isfidi futuri, fosthom dawk kawża tat-tibdil fil-klima.

“Il-kriżi li l-bdiewa u s-sajjieda Ewropej qegħdin jiffaċċjaw bħalissa, huma tassew bla preċedent. Iċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa huma tali, li jirrikjedu l-użu l-iktar effikaċi tar-riżorsi disponibbli. Dan bil-għan li nimmitigaw u nindirizzaw l-effetti negattivi b’mod immedjat,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Sport