It-tim nazzjonali Malti tal-Hockey sofra telfa ta’ 3-1 kontra l-Finlandja fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tat-tieni diviżjoni tal-Euro Hockey, f’partita li ntlagħbet f’Ħelsinki.
Il-Maltin kienu ġejjin minn rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra l-Greċja l-ġurnata u tista’ tgħid li fetħu tajjeb hekk kif fetħu l-iskor meta Thomas DeGiovanni skorja minn penalty stroke. Il-Maltin żammu il-vantaġġ sal-mistrieħ, iżda l-Finlandiżi dawru r-riżultat fit-tieni taqsima.
Elmeri Rihtilä ġab id-draw, qabel Ari Laiho poġġa lill-Finlandja fil-vantaġġ erba’ minuti wara. Santeri Määttänen issiġilla r-rebħa biex għamilhom 3-1.
Matul il-logħba, Malta ħolqot diversi penalty corners iżda naqset milli tikkonvertihom f’gowl, Minkejja wirja determinata, Malta ma rnexxilhiex tevita t-telfa kontra avversarji li kienu aktar effettivi fit-tieni nofs tal-partita.
Illum il-Maltin jilagħbu t-tielet logħba tagħhom meta fit-3pm jaffaċċjaw lil Ġibilta’.
Malta: Marvin Grixti, Karl Chircop, Nathan Pace Gasan, Xandru Mifsud Bonnici Weiss, Thomas DeGiovanni, Redeemer Rapinett (C), Christ Agius, Joseph Ellul-Turner, Alexander Kirton, Kieran Borg, Luca Fsadni.
Finlandja: Jussi Luhta, Santeri Määttänen, Oscar Lahtinen-Kalsi, Elmeri Rihtilä, Paramprit Gill, Rasmus Karjalainen, Sampo Hirvioja (C), Willem Danhieux, Emil Könönen, Ari Laiho, Lauri Ondreka.









