Sunday, December 22, 2024

Malta tkompli tappoġġja l-isforzi tal-forzi demokratiċi tal-Belarus

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta’ Malta Ian Borg iltaqa’ ma’ Sviatlana Tsikhanouskaya, il-Kap tal-Kabinett Transitorju Maqgħud tal-Belarus il-Ħamis waranofsinhar, fil-Palazz Spinola f’San Ġiljan.

Il-laqgħa enfasizzat l-appoġġ bla waqfien ta’ Malta għall-isforzi bla heda tal-forzi demokratiċi tal-Belarus.

Il-Ministru Borg enfasizza l-impenn sod ta’ Malta għaż-żamma tal-istat tad-dritt, il-libertajiet bażiċi, u d-drittijiet tal-bniedem.

Filwaqt li esprima tħassib serju dwar l-azzjonijiet dejjem aktar ripressivi tar-reġim ta’ Lukashenka, inkluż intimidazzjoni, sfurzar, vjolenza, u arresti arbitrarji, il-Ministru Borg sostna li “Malta hija solidali mas-soċjetà ċivili tal-Belarus u l-midja indipendenti.” Qal li ż-żieda allarmanti fil-priġunieri politiċi fil-Belarus hija ksur ċar tal-aspirazzjonijiet paċifiċi tal-poplu għal futur demokratiku.

“Malta ttenni s-sejħa tagħha għall-ħelsien immedjat u r-riabilitazzjoni effettiva tal-priġunieri politiċi kollha fil-Belarus u tikkundanna l-involviment tar-reġim ta’ Lukashenka fl-invażjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna,” qal il-Ministru Borg.

“Bħala ġirien u msieħba mill-qrib tal-Unjoni Ewropea, Malta hija impenjata li tippromwovi impenn aktar profond mal-partijiet interessati demokratiċi fil-Belarus. Dan l-impenn jestendi għal sforzi kontinwi fi ħdan l-UE, inklużi s-Sħubija tal-Lvant u l-Grupp Konsultattiv, kif ukoll lir-rwol ta’ Malta bħala Chairpersonship-in-Office tal-OSCE għal din is-sena”, żied jgħid.

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Kabinett Transitorju Maqgħud tal-Belarus Sviatlana Tsikhanouskaya rringrazzjat lill-Ministru Ian Borg għall-istedina tiegħu biex tagħmel żjara ta’ xogħol f’pajjiżna. Hija rringrazjat lill-Malta wkoll tal-kontribuzzjoni li għamlet għall-grupp ta’ kuntatt tal-Belarus fil-Kunsill tal-Ewropa.

B’riflessjoni fuq iż-żjara ta’ Tsikhanouskaya, il-Ministru Borg faħħar lill-Kabinett Transitorju Magħqud għall-ħidma ddedikata tiegħu lejn ir-restawr paċifiku tad-demokrazija fil-Belarus. “Huwa imperattiv li l-Belarus tinżamm fuq quddiem fl-aġenda internazzjonali, b’Malta li tafferma mill-ġdid l-impenn indispensabbli tagħha mal-forzi demokratiċi tal-Belarus,” sostna l-Ministru Borg. Huwa tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li tibqa’ solidali mal-poplu tal-Belarus fit-tfittxija tiegħu għal futur ħieles, indipendenti u demokratiku.

Ekonomija

Sport