Wednesday, November 13, 2024

Malta tniedi reġistru internazzjonali tal-ivvjaġġar b’inqas impatt fuq il-klima fis-settur tat-turiżmu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli illum nediet reġistru ta’ vvjaġġar iffukat fuq inqas impatt fuq il-klima fis-settur tat-turiżmu. Bl-isem ta’  SUNx Malta Climate Friendly Travel Registry, din hija inizjattiva marbuta mal-United Nations Climate Action Portal. Dan sar flimkien mal-World Travel and Tourism Council (WTTC) u Thompson Okanagan Tourism. Id-WTTC hija meqjusa bħala l-organizzazjoni ewlenija li tirrappreżenta l-operaturi fl-industrija internazzjonali tat-turizmu, filwaqt li Thompson Okanagan Tourism huma meqjusin bħala stakeholders ewlenin fejn jirrigwarda destinazzjonijiet turistiċi.

It-tnedija ta’ dan ir-reġistru li mistenni jattira negozji turistiċi li għandhom ambizzjoni li jagħmlu parti minn dan ir-reġistru u jaħdmu bl-inqas impatt ambjentali possibli, saret waqt konferenza internazzjonali virtwali organizzata minn SUNx Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Mondjali tal-Ivjaġġar u t-Turiżmu, WTTC. Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet fost il-lista ta’ kelliema li kienet tinkludi nies bi profil għoli ħafna f’dan is-settur fosthom Patricia Espinosa, is-Segretarju Eżekuttiv tal-United Nations Framework Convention on Climate Change (UNFCCC), Il-President u CEO tal-World Travel and Tourism Council (WTTC), Gloria Guevara u l-Profs Geoffrey Lipman Fundatur u President ta’ SUNx Malta fost numru ta’ stakeholders oħra mportanti fis-settur.

“Din l-inizjattiva hija prova oħra importanti li turi kemm Malta hija kommessa li tagħti sostenn lis-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-impenn favur bidla fil-klima. Inizjattiva li tpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fit-trasformazzjoni ta’ settur daqstant ekonomikament vitali biex ikun konformi mal-objettiv tal-Ftehim ta’ Pariġi li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm għal 1.5°C. Huwa ferm tajjeb li flimkien mad-WTTC u t-Thompson Okanagan Tourism għandna viżjoni komuni għal futur aktar nadif u ħadrani,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

It-tnedija ta’ dan ir-Reġistru hija konformi ħafna mal-EU Green Deal u mas-sejħa riċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda biex it-turiżmu wara l-era tal-COVID-19 ikun wieħed favur il-klima. L-UE għandha l-għan li tkun newtrali għall-klima sal-2050, b’ekonomija b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti. Dan l-għan jinsab fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u hu skont l-impenn tal-UE għal azzjoni klimatika globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

“B’sodisfazzjon ngħid li b’din l-inizjattiva qegħdin nestendu t-tradizzjoni ta’ Malta bħala Reġistru ewlieni fil-qasam marittimu għal dak turistiku, qasam li huwa daqstant importanti għall-iżvilupp sostenibbli tagħna bħala pajjiż kif ukoll għall-komunità internazzjonali,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Minn naħa tiegħu il-Ministru responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, 

Carmelo Abela stqarr li, “fejn jidħol it-turiżmu, nistgħu inkunu sostenibbli bħala pajjiż billi, filwaqt li nkomplu nagħmlu ħilitna ħalli nattiraw aktar turisti u kemm jista ikun niġbdu lejna aktar turisti ta’ kwalita’ minflok kwantita’, għandna nagħmlu dan billi nżommu ċertu prinċipji fil-ħidma tagħna. B’turiżmu sostenibbli nifhmu settur li jagħti każ il-ħtiġijiet u l-impatti preżenti u futuri tal-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Dan għandu jsir billi nindirizzaw il-bżonnijiet tal-viżitaturi, l-industrija, l-ambjent u l-komunitajiet li qed jilqgħu fi ħdanhom lil dawn it-turisti.  Meta nitkellmu fuq turiżmu sostenibbli huwa meħtieġ li nsemmu l-ħolqien ta’ mpjiegi, liema mpjiegi jridu jkunu ta’ kwalita` u li jagħtu lill-ħaddiema qliegħ ġust u kundizzjonijiet adegwati.

SUNx Malta organizza l-ewwel Think Thank Globali dwar il-motivazzjoni tal-impatt tat-turizmu fuq il-klima fi Frar li għadda f’Malta, u qed iservi bħala ċentru globali għal vjaġġar iktar nadif għall-ambjent, bil-għan li jiġu varati azzjonijiet u opportunitajiet biex l-industrija tal-ivjaġġar tindirizza l-kriżi ambjentali tal-bidla fil-klima. Iċ-ċentru twaqqaf f’Malta mill-Ministeru għat-Turiżmu, b’kollaborazzjoni tal-Professur Geoffrey Lipman, ko-fundatur tal-programm SUNx bbażat fil-Belġju li jimbotta biex jintlaħaq il-miri tat-trattat ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima fis-settur fost oħrajn tal-ivvjaġġar. Il-Profs Lipman għandu esperjenza kbira fil-qasam tat-turiżmu, tant li serva għal numru ta’ snin f’karigi għoljin mal-Ġnus Magħquda/UNWTO, l-WTTC, l-IATA, u bosta aġenziji, azjendi u gruppi informattivi ta’ livell għoli fl-UE. Dan l-istitut huwa bbażat fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi f’Għawdex. Ftit tal-ġranet oħra mistenni tibda wkoll minn ġol-ITS, Diploma in Climate Friendly Travel, l-ewwel kors akkreditat ta’ din ix-xorta fid-dinja.

Ekonomija

Sport