Saturday, December 28, 2024

‘Malta togħġobni ħafna … inqisha bħala t-tieni dar tiegħi’ – Christina Novelli

Aqra wkoll

Christina Novelli twieldet fil-belt Ingliża ta’ Southampton nhar is-27 ta’ Novembru tal-1986. Taħdem bħala kantanta, kompożitriċi u saħansitra bħala DJ f’diversi diskoteki u klabbs madwar id-dinja. Hi tiġi bint il-kok Franċiż ta’ fama mondjali, Jean-Christophe Novelli.

Tispeċjalizza fil-mużika elettronika, trance u dance u taf tuża’ diversi strumenti mużikali bħal kitarra u d-drums. Hi għandha kapaċitajiet vokali mill-aqwa filwaqt li għandha sens qawwi ta’ intelliġenza fil-produzzjoni tal-mużika.

Ilha attiva fix-xena mużikali disa’ snin u f’dan iż-żmien għamlet isem bil-produzzjonijiet u l-wirjiet li offriet kulfejn kienet.Għamlet kollaborazzjonijiet u ftehim ma’ diversi djar tad-diski madwar id-dinja fosthom AtlanticRecords, Warner Records, BigBeat, Rising/Nervous, Maelstrom/Black Hole, Aropa/Armada, Euphonic, Garuda, DanceTherapy, ToneDiary u Ultra.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika?
Il-mużika kienet u għadha parti importanti f’ħajti. Meta kont żgħira ta’ spiss kont inkanta ma’ diversi gruppi mużikali u kienet il-ħolma tiegħi li xi darba nsir famuża. Onestament kienet togħġobni ħafna l-mużika trance u xtaqt inkompli nispeċjalizza fiha. Anke meta kont immur id-diskoteka kien jogħġobni ħafna dan l-istil ta’ mużika.

Kien għalhekk li bdejt indur diversi klabbs fl-Ingilterra fejn għamilt xi gigs. Dan kollu seħħ sa ma ltqajt ma’ Gareth Emery fis-sena 2012 fejn hemmhekk ipproduċejna flimkien id-diska Concrete Angel. U hemm bdiet ħajja oħra għalija!

Semmejtha int stess id-diska Concrete Angel. Xi tfisser għalik din id-diska?
Tfisser ħafna għax kif għedtlek kienet l-ewwel diska li tatni l-fama. Kienet diska li jien kelli sehem fiha minħabba li ktibt il-lirika tagħha u l-kollaborazzjoni ma’ Gareth Emery kienet impekkabbli. Dan tal-aħħar hu persuna meraviljuża u kien lest li jisma’ s-suġġerimenti tiegħi filwaqt li kien ferm flessibbli. Qbilna ħafna flimkien u għalhekk ħarġet diska mill-aqwa.

Kellimni ftit dwar Gareth Emery u Dash Berlin li magħhom għamilt kollaborazzjonijiet mill-aqwa.
Kemm Gareth Emery kif ukoll Dash Berlin tawni opportunitajiet kbar li nuri dak li naf u li niżviluppa l-karattru tiegħi. Kien bis-saħħa tagħhom li kantant diski bħal Concrete Angel u Jar of Hearts li kollha kellhom suċċess internazzjonali. Huma żewġ persuni b’karattru tad-deheb u li ħassejtni komda naħdem magħhom.

Xi tgħidli dwar id-diska SafeMe?
Id-diska SafeMe kienet kollaborazzjoni mill-aqwa li kelli ma’ Gareth Emery u anke AsotaMusic. Ħriġna flimkien element komuni u xammarna l-kmiem sabiex noħorġu bi prodott tajjeb. Din il-ħidma ħadet il-frott tagħha għax rnexxielna niksbu aktar suċċess.

Int taħdem kemm bħala DJ kif ukoll bħala kantanta u kittieba tal-mużika. Liema hu l-iktar rwol diffiċli li tara minnhom kollha jew inkella dak li verament jogħġbok?
Naħseb li dawn huma kollha rwoli sbieħ u importanti. M’hemmx xi ngħidu nippreferi ħafna nkanta minħabba li nqisu bħala l-ewwel imħabba tiegħi għall-mużika. Meta int tkanta u tferraħ lil dak li jkun hemm sodisfazzjon enormi.

Kont qed tgħidli li ġejt ħafna drabi Malta. X’taħseb dwar il-gżejjer Maltin?
Malta togħġobni ħafna u bilkemm ma ngħidlekx li nqisha bħala t-tieni dar tiegħi. Nieħu gost bl-affarijiet sbieħ li għandkom fosthom il-belt kapitali, il-bini storiku, l-ikel u fuq kollox ix-xemx u l-baħar.

X’taħseb dwar l-industrija tal-mużika llum il-ġurnata?
L-industrija tal-mużika qed tkompli tiżviluppa dejjem aktar u minn meta bdejt jien s’issa, il-kompetizzjoni żdiedet. Int trid tkun dejjem aġġornata mhux biss bl-aħħar żviluppi iżda wkoll bl-aħħar teknoloġija.

Ekonomija

Sport