Il-patrol boat Al Kifah fil-ġranet li għaddew ingħatat lura lill-Awtoritajiet Libjani wara tiswijiet f’Malta. Il-patrol boat tintuża mil-Gwardja tal-Kosta Libjana. Dan il-proġett ikompli jsaħħaħ l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni.
Waqt li kien qed jindirizza ċ-ċerimonja, li matulha l-Al Kifah ngħatat lura lill-Awtoritajiet Libjani, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield iddeskriva l-konsenja bħala pass importanti fir-relazzjoni fit-tul bejn iż-żewġ pajjiżi, filwaqt li enfasizza l-interess komuni li tkun żgurata s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran.
Il-Ministru nnota li l-kooperazzjoni bejn Malta u l-Libja wasslet għal riżultati konkreti f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari fl-isforzi biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u titnaqqas l-immigrazzjoni rregolari tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.
Huwa qal li t-tnaqqis fil-wasliet irregolari juri l-importanza ta’ azzjoni koordinata u kollaborazzjoni mill-qrib bejn pajjiżi li qed jiffaċċjaw sfidi komuni.
Filwaqt li rrikonoxxa l-progress li sar, il-Ministru Bedingfield saħaq li għad hemm bżonn aktar sforzi biex jissaħħu l-kontrolli tal-fruntieri, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra n-netwerks involuti fit-traffikar u l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni rregolari.
B’referenza għall-bastiment Al Kifah, il-Ministru qal li dan l-investiment jirrifletti l-impenn ta’ Malta lejn is-sigurtà marittima u l-appoġġ konkret tagħha biex jinżammu l-kapaċitajiet operattivi fil-Mediterran Ċentrali. Madankollu, huwa enfasizza li s-sigurtà tal-fruntieri waħedha mhijiex biżżejjed biex issolvi l-isfidi tal-immigrazzjoni, u sostna li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kawżi li jwasslu lill-persuni jitilqu minn pajjiżhom u jimbarkaw fuq vjaġġi perikolużi.
Il-Ministru tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li l-prevenzjoni għandha tibqa’ fil-qalba tal-politika migratorja u saħaq fuq il-ħtieġa ta’ messaġġ ċar u konsistenti li l-immigrazzjoni rregolari mhijiex triq vijabbli.
Huwa reġa’ kkonferma wkoll ir-rwol ta’ Malta bħala pajjiż newtrali li jservi ta’ pont bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, filwaqt li jippromwovi d-djalogu, l-istabbiltà u l-kooperazzjoni ekonomika fir-reġjun.

