Saturday, December 21, 2024

MALTA U R-REGĦBA

Aqra wkoll

Fl-omelija tiegħu fil-ġurnata tal-Indipendenza, l-Arċisqof għamel aċċenn għall-fatt li r-regħba waħda mill-mardiet li qed taħkem lil Malta. Għalkemm ma kontx inpoġġi l-kliem bl-istess mod, nista’ nifhem parti minn dak li kien qiegħed jgħid l-Arċisqof.


Fil-verità, dak li qed naraw illum mhuwiex xi ħaġa li bdiet ilbieraħ. Hija xi ħaġa li ilha magħna żmien twil, u ser ngħid għaliex. Malta hija pajjiż żgħir, b’riżorsi skarsi ħafna. L-antenati tagħna – u hawnekk qed nitkellem fuq mijiet ta’ snin ilu, kien ikollhom bilfors jiġġieldu għal kull qatra ilma u għal kull qamħa: għax ħajjithom kienet tiddependi fuq hekk. Fi kliem ieħor kellek sitwazzjoni li bl-ingliż insejħulha ‘survival of the fittest’, fejn dawk l-aktar b’saħħithom biss kienu isalvaw.


Aktar minn hekk pero’, il-Malti beda jitwieled b’ċertu ħażen u b’ċertu istint. Istint li fl-ambjent li kienu jgħixu fih l-antenati tagħna kien neċessarju mmens biex wieħed jgħix u jkampa.  X’ġara matul iż-żminijiet imma? Matul iż-żmien il-Malti ma baqgħax jgħix b’riżorsi skarsi għax l-andament lokali mexa ’l quddiem. Infatti l-prosperità tal-gżira tjiebet ħafna matul iż-żminijiet, b’mod speċjali fl-aħħar għaxar snin fejn minn pajjiż bi tkabbir medju, morna għal tkabbir ekonomiku b’saħħtu.


Biss għalkemm il-qagħda ekonomika Maltija inbidlet minn lejl għan-nhar, mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-ġenetika Maltija. Il-qagħda ekonomika tinbidel skont iż-żminijiet, u jekk l-ekonomija titmexxa tajjeb kapaċi jkollok tkabbir f’qasir żmien. Fuq in-naħa l-oħra pero’, l-ġenetika iddum mijiet ta’ snin biex tinbidel. 


Xi jfisser dan? Ifisser li l-Malti tal-lum għadu jitwieled bħalma kien jitwieled il-Malti ta’ dari, bl-istess istint. Biss fejn l-istint fil-passat kien iservi biex wieħed isalva, illum dan l-istess istint jista’ jkun li jservi biex wieħed jibla u jkompli jibla, la hawn abbundanza – bħal meta jkollok xi ħadd li qatt ma kiel u li imbagħad titfgħu f’restorant li joffri l-buffet.


Meta tieħu dan kollu f’kunsiderazzjoni, ma tistgħax ma’ tasalx għall-konklużjoni allura li l-Arċisqof seta’ kellu punt meta qal li hawn ċertu regħba. Forsi li jista’ jsir aħjar pero’ huwa li ċertu diskors jiġi spjegat aħjar qabel jintefa’ hemm barra u jiġi interpretat mingħajr kuntest. 

Ekonomija

Sport