Sunday, May 5, 2024

Tagħmir speċjalizzat li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani

Aqra wkoll

Residenti fi djar tal-anzjani kif ukoll anzjani li jgħixu fil-komunità se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-użu ta’ tagħmir speċjalizzat minflok imorru l-Isptar Mater Dei biex jirċievu dan is-servizz.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia inawgura żewġ bladder scanners, li se jkunu jistgħu jinġarru għall-użu fid-djar privati tal-anzjani, fil-kliniċi tal-kontinenza, u fid-djar tal-anzjani.

Il-Ministru Michal Farrugia qal li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ħass il-ħtieġa li jipprovdi żewġ portable bladder scanners biex b’hekk jiżgura li l-anzjani kollha fil-komunità u d-djar tal-anzjani jirċievu l-aħjar livell ta’ kura fil-qasam tal-kontinenza.

Il-bladder scanners huma strumenti li jintużaw bħala parti minn valutazzjoni ħolistika sħiħa tal-kontinenza li tista’ ssir fuq it-tfal, l-adulti u l-anzjani li juru sintomi relatati mal-kontinenza.

It-tagħmir, li jiswa €5,000 kull wieħed, se jintuża minn infermiera speċjalizzati fuq il-kontinenza u professjonisti oħrajn li ngħataw taħriġ apposta. Dawn l-infermiera se jżommu kuntatt mat-tabib tal-anzjan u professjonisti oħra tal-kura tas-saħħa, skont il-ħtiġijiet tal-anzjani.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li permezz ta’ dawn l-iscanners se tiġi eliminata l-ħtieġa li l-pazjenti jmorru l-Isptar Mater Dei għal investigazzjonijiet bħal dawn.

“B’hekk, filwaqt li qed intejbu l-kwalità u s-sigurtà tal-kura tal-pazjent, qegħdin innaqqsu mill-piż fuq l-isptar ġenerali tagħna kif ukoll mill-ispejjeż għal aktar bżonn ta’ kura tas-saħħa”, temm jgħid il-ministru.

Sport