Monday, May 13, 2024

Titnieda t-tielet sejħa għall-għaqdiet volontarji biex jinstallaw pannelli tax-xemx bla ħlas

Aqra wkoll

Għaqdiet volontarji qed ikunu mistiedna japplikaw għal skema li biha jkunu jistgħu jinstallaw pannelli solari fuq il-binjiet tagħhom.

B’investiment miżjud ta’ €160,000, se tinħareġ it-tielet sejħa biex diversi għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi ta’ 12 jew ta’ 24 pannella, fuq il-proprjetà tagħhom mingħajr ħlas.

L-iskema, b’investiment totali ta’ miljun ewro, diġà għenet 61 għaqda volontarja. Wara s-suċċess tal-ewwel żewġ sejħiet, il-gvern qed joħroġ it-tielet sejħa biex iħajjar aktar għaqdiet jaħdmu b’sistemi sostenibbli.

L-iskema qed titħaddem mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma b’ħidma konġunta mal-Uffiċċju għall-Għaqdiet Volontarji, mal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u mal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija.

Waqt żjara fil-grawnd tal-futbol tal-Imqabba, il-Ministru Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima enfasizzaw l-appoġġ li qed joffri l-gvern.

“Bl-esperjenza tas-sejħiet ta’ qabel, nafu li għaqdiet volontarji minn setturi differenti qed ikunu ta’ eżempju. Waqt li bl-użu tal-pannelli fotovoltajiċi qed jiffrankaw, qed jagħmlu wkoll il-parti tagħhom favur il-protezzjoni ambjentali. Għalhekk qed inħeġġu lill-għaqdiet volontarji biex jersqu ’l quddiem u jkomplu jkunu parteċipi fil-mixja tagħna lejn is-sostenibbiltà u l-mira ta’ Malta li nżidu aktar enerġija rinnovabbli,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru  Dalli ħeġġet iktar kollaborazzjoni bejn l-entitajiet, biex permezz ta’ ppjanar u ta’ appoġġ koordinat jintlaħqu riżultati pożittivi.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rrimarka li din it-tielet sejħa hija xprunata mill-entużjażmu tal-għaqdiet volontarji li fl-aħħar xhur ikkonkorrew bi ħġarhom għal din l-inizjattiva. Dr Grima qal li, “Din l-inizjattiva se tkun qed tara aktar għaqdiet volontarji jibbenifikaw minn roħs fil-kontijiet tad-dawl li jfisser aktar fondi għall-ġid tal-komunità”.

Is-segretarju parlamentari spjega li permezz ta’ din l-inizjattiva, il-gvern żewweġ il-kunċetti tal-volontarjat ma’ dak ambjentali u bis-saħħa tal-użu tal-pannelli, l-għaqdiet volontarji se jiggwadanjaw minn ambjent aktar nadif u minn aktar fondi li jkun investiti fil-komunità.

Permezz ta’ din l-iskema, Malta se tolqot tliet miri tal-Ġnus Magħquda għall-Iżvilupp Sostenibbli:

  • SDG7 – Enerġija Nadifa u Affordabbli
  • SDG 11 – Bliet Aktar Inklużivi 
  • SDG 13 – Miżuri Urġenti fil-Ġlieda Kontra t-Tibdil fil-Klima u l-Effetti tiegħu

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Anthony Gatt, il-Kap Eżekuttiv tal-EWA Manuel Sapiano, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u Ilma, l-Inġ. Marjohn Abela, u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.

L-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern se jiġi ppubblikat nhar it-Tlieta u l-applikazzjonijiet jiftħu nhar l-Erbgħa 29 ta’ Settembru fl-10am u jagħlqu fid-29 ta’ Ottubru f’nofsinhar. L-applikazzjonijiet jitniżżlu mis-sit elettroniku ta’ REWS.

Sport