Malta u t-Tuneżija għandhom numru ta’ opportunitajiet fejn jimirħu, partikolarment fis-settur tal-enerġija. Kien dan il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħat bilaterali li kellu f’Tuneż mal-President tat-Tuneżija Kais Saied u l-Prim Ministru tat-Tuneżija Najla Bouden.
Fi żjara fil-kapitali tat-Tuneżija, il-Prim Ministru Abela beda b’laqgħa mal-President Tuneżin fil-Palazz Presidenzjali f’Kartaġni. F’taħdidiet mal-President Saied, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif Malta qed tħares li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet u l-koperazzjoni mat-Tuneżija. Innota kif iż-żewġ pajjiżi għandhom impenji u aspirazzjonijiet komuni, dawk ta’ stabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran.
Dr Abela irrimarka li l-enerġija rinnovabbli hija l-futur anki għall-pajjiżi ġirien li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta u fisser lit-Tuneżija bħala sieħeb prominenti fi proġetti potenzjali li jgawdu minnhom il-popli taż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru Abela qal li r-reġjun tal-Mediterran fih wkoll sfidi li għandna nindirizzawhom b’mod ħolistiku. “B’rispett reċiproku u b’impenn bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, dawn l-isfidi nistgħu ndawruhom f’opportunitajiet”, saħaq il-Prim Ministru Malti mal-President Tuneżin.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-aħħar laqgħat għolja bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija u d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn żewġ naħat dwar il-Pakkett Komprensiv ta’ Sħubija li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika, il-koperazzjoni dwar l-enerġija u l-immigrazzjoni.
Dwar l-immigrazzjoni l-Prim Ministru Abela rrimarka li Malta dejjem advokat b’mod konsistenti dwar il-ħtieġa tal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran biex ikun hemm stabbiltà fl-Ewropa. Fuq din it-tema, anki mal-Prim Ministru tat-Tuneżija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-għeruq tal-isfida tal-immigrazzjoni trid tibqa’ tiġi indirizzata b’mod komprensiv u fisser lit-Tuneżija bħala sieħeb importanti li wkoll qed tgħaddi minn sfidi fuq din il-kwistjoni.
Mal-Prim Ministru Bouden, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li l-immigrazzjoni hija kwistjoni globali li ma tistax tiġi indirizzata minn pajjiż jew reġjun wieħed. Innota wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm konferenza internazzjonali dwar l-immigrazzjoni li qed tħares li tindirizza wkoll it-traffikar uman marbut mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
F’Tuneż il-Mexxejja taż-żewġ naħat iddiskutew ħidma li għaddejja dwar ftehimiet li fil-futur hemm il-ħsieb li jiġu ffirmati bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom fil-qasam tal-enerġija u dak taż-żgħażagħ. Fuq dan tal-aħħar, il-ħidma għaddejja fuq ftehim ġdid wara dak iffirmat 12-il sena ilu. Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-immaniġjar tal-ilma u spjega li dak li Malta qed tagħmel ma’ stati żgħar oħra, jiġifieri tagħti l-għarfien tagħha dwar l-immaniġġjar aħjar tar-riżorsa tal-ilma, tista’ tagħmlu anki mat-Tuneżija.
Iż-żewġ Mexxejja ddiskutew ukoll ir-rieda ta’ aktar koperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi fosthom anki dwar l-opportunità ta’ koperazzjoni fid-dekarbonizazzjoni tas-settur marittimu. Temi oħra reġjonali oħra li tqajmu kienu l-kunflitt fis-Sudan, is-sitwazzjoni fis-Sirja u dik fil-Lvant Nofsani.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara fit-Tuneżija kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.