Wednesday, April 24, 2024

L-Ispeaker jiddeplora l-atteġġjament ta’ Karol Aquilina

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ddeplora d-diskors li ntqal mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina wara r-ruling li ta llum fuq talba tal-istess membru parlamentari.

It-talba kienet tirrigwardja l-ammissibiltà ta’ emenda kif imressqa mill-Onor. Aquilina għall-mozzjoni 119 dwar talba għal inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia.

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker innota li l-emenda kienet qiegħda tipproponi bidla għat-test li f’dak il-mument il-Kamra ma kellhiex quddiema. Għalhekk, qal li s-Sedja ma setgħetx taċċetta l-emenda għax fi stadju meta l-emendi jkunu qed jitqiegħdu għall-vot, l-emenda tal-Onor. Aquilina tkun qed tipproponi bidla għat-test li f’dak il-mument ma jeżistix.

“Meta s-Sedja se tkun qiegħda tgħaddi għall-mozzjoni 119, kif tidher fuq l-aġenda, se se tqiegħed l-ewwel tpoġġi l-mistoqsija fuq l-emenda kif imressqa fil-Gvern u wara tressaq il-mozzjoni fuq il-mozzjoni possibilment kif emendata. Ir-ruling huwa deċiż,” tenna l-Ispeaker.

Wara r-ruling, l-Ispeaker talab lil Dr Aquilina sabiex iġib ruħu sew u li jekk ma għoġbux ir-ruling, kellu jsegwi l-proċedura kif stabbilita. Hawn sejjaħ għal point of order l-Onor. Aquilina u qal li f’ismu u f’isem il-bqija tal-Oppożizzjoni kien qed jirreġistra dak li sejjaħlu “preġudizzju gravi” li bħala Sedja u l-Clerk of the House allega li għandhom fil-konfront ta’ kwalunkwe ħaġa u kwalukwe persuna li tifforma parti mill-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker dlonk irrisponda li, “r-ruling huwa deċiż. Ieqaf issa. Mela oħroġ ‘il barra. Qed inkeċċik, oħroġ.” Huwa mbagħad issospenda s-seduta għal xi ħin sabiex l-Onor. Karol Aquilina jġib ruħu sew fil-Kamra.

Wara li s-seduta kompliet, is-Segretarju Parlamentari u Whip tal-Gvern Andy Ellul qal li fid-dawl tal-atteġjament tal-Onor. Karol Aquilina, f’isem il-Grupp Parlamentari Laburista kien qed jitlob li jingħata ruling fuq dak li ġara skont l-iStanding Order 60 li jaqra hekk: “l-ebda membru m’għandu juża kliem offensiv jew mhux xieraq kontra l-karattru jew il-proċeduri tal-Kamra jew b’referenza għal xi membru tagħha.”

L-Ispeaker qal li huwa kien qiegħed jiddeplora d-diskors kollu li ntqal. Min-naħa tiegħu, Dr Aqulina qal: “niċħad dak li qed jallega l-Onor. Ellul. Fi kwalunkwe każ jekk is-Sedja se tipproċedi biex tagħmel ruling fil-konfront tiegħi, qed nitlob ir-rikuża tiegħek Mr Speaker għax ma tistax tagħti ruling li fih inti direttament involut.”

Sport