Il-coach tat-team nazzjonali Malti, Emilio De Leo, jisħaq li t-team tiegħu se jersaq lejn il-logħba ta’ ħbiberija internazzjonali tal-lum kontra Eswatini bl-istess determinazzjoni u mentalità rebbieħa li se jieħdu magħhom fil-konfront li jmiss tal-UEFA Nations League kontra Ġibiltà.
Huwa qal dan waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ fis-sala tal-media tal-Istadium Nazzjonali fejn De Leo enfasizza li ż-żewġ logħbiet jistħoqqilhom l-istess livell ta’ fokus u impenn, u insista li Malta m’għandhiex tavviċina ż-żewġ partiti b’mod differenti.
“Għandna żewġ logħbiet quddiemna u l-players jafu li rridu niffaċċjawhom it- tnejn bl-istess determinazzjoni. Irridu nżommu mentalità rebbieħa, nuru l-kwalitajiet tagħna u niksbu r-riżultati. Dan irid ikun l-approċċ tagħna,” qal De Leo.
Il-coach irrikonoxxa li l-logħba ta’ ħbiberija kontra Eswatini tista’ tkun opportunità biex jingħata ħin prezzjuż fil-ground lil players li lagħbu inqas spiss, filwaqt li saħaq li l-affidabbiltà u l-konsistenza jibqgħu fatturi importanti fl-għażla tiegħu.
“Se nagħtu ħin lil dawk li lagħbu inqas, iżda se jkun hemm ukoll players li wrew li huma affidabbli. Malta trid turi li għandha l-fokus it-tajjeb u toħloq l-aħjar atmosfera possibbli fi ħdan it-team. Ma rridx li dawn iż-żewġ logħbiet jitqiesu b’mod differenti. Fil-partita kontra Eswatini se taraw l-aqwa verżjoni ta’ Malta.”
Mistoqsi dwar id-disponibbiltà tal-players imweġġgħin, De Leo spjega li Rashed Al Tumi għadu fil-fażi ta’ rkupru u s-sitwazzjoni tiegħu se tkompli tiġi evalwata. Madankollu, huwa kkonferma li l-goalkeeper mhux se jkun disponibbli għall-konfront tal-lum, u żied jgħid li Malta għandha erba’ goalkeepers tajbin għad-dispożizzjoni tagħha.
Il-coach indika wkoll li t-team se jiġi organizzat b’mod li joffri l-bilanċ, l-istabbiltà u s-saħħa meħtieġa, filwaqt li kkonferma li m’hemmx tħassib partikolari fi ħdan l-iskwadra.
Sadanittant, il-goalkeeper tat-team nazzjonali, James Sissons, tenna l-ħsibijiet tal-coach tiegħu, u enfasizza li l-preparazzjoni tibqa’ l-istess irrispettivament minn min ikun l-avversarju.
“It-team jipprepara bl-istess mod, kemm jekk ikunu Eswatini jew xi team ieħor. Irridu jkollna l-istess mentalità u nuru x’kapaċi nagħmlu,” spjega Sissons.
Meta rrifletta fuq l-esperjenza riċenti tiegħu mal-club Ingliż ta’ Chesterfield, Sissons iddeskriviha bħala perjodu pożittiv, li matulu rnexxielu jikseb ħin prezzjuż fil-ground. Issa jittama li jibni fuq dik l-esperjenza u jkompli javvanza.
Il-partita tal-lum tibda fis-6.30 pm, fl-Istadium Nazzjonali … qabel ma Malta tivvjaġġa lejn Ġibiltá għall-aħħar impenn tagħha fil-UEFA Nations League, nhar it-Tnejn, 16 ta’ Novembru.
Din għandha tkun partita bilanċjata hekk kif Eswatini jinsabu fil-164 post fir-rankings tal-FIFA …. erba’ pożizzjonijet inqas minn Malta.




