MALTEMPATA F’KIKKRA

786

Uħud minn dawk li ħarġu jixlu lill-President George Vella b’“oxxenità” fir-rigward tal-allegat dewmien biex tiġi ffirmata l-liġi dwar l-IVF, għandhom każi ta’ imġiba fir-rekord professjonali u eżekuttiv tagħhom li ftit jistgħu jiftaħru bihom. Il-kjass li tqajjem dwar id-“dewmien” ma kienx aħjar minn maltempata f’kikkra, kif wieħed seta’ jifhem imbagħad mill-psewdo-analiżijiet imġebbda li saru ta’ x’qal jew ma qalx il-President.

Kif naf mill-esperjenza, George Vella dejjem kien wieħed mill-aktar persuni fil-politika rett u nieqes minn kull sens Makjavelliku – tal-aħħar hi kwalità li ftit tista’ tgħidha fuq kull ħaddieħor. M’għandix dubju li matul l-inċident imsemmi, mexa skont ir-rettezza li magħruf għaliha. Min ipprova jimpunja l-integrità personali jew politika ta’ Vella qed jispara f’saqajh stess.

Kif ġiet spostata l-istorja, fakkritni x’ġara fl-1990 fil-Belġju. Il-Parlament għadda liġi li lliberalizzat l-abort. Ir-re Baudouin, Kattoliku ferventi, ma setax jiffirmaha. Is-soluzzjoni kienet il-ħruġ ta’ proklama: iddikjarat lir-re inkapaċi li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Il-kabinett tal-ministri, skont il-kostituzzjoni, assuma kollettivament dawn il-funzjonijiet. Il-ministri kollha ffirmaw il-liġi. L-għada ħarġet proklama oħra. Stqarret li r-re Baudouin kiseb mill-ġdid il-kapaċità li jirrenja. F’Malta għandna soluzzjoni aktar sempliċi.

SĦANA

Is-sħana kbira li qed tagħmel f’ħafna partijiet tal-Ewropa u n-nirien li qerdu diversi inħawi magħrufa għall-foresti tagħhom forsi kkonvinċu aktar nies dwar il-ħtieġa urġenti għal aktar miżuri li jrażżnu t-tisħin tal-klima.

Biss aktar ma titwal il-gwerra ta’ Putin fl-Ukrajna, aktar qed tiżdied ukoll l-urġenza biex l-Ewropej jilqgħu għat-theddida Russa li titnaqqas jew tinżamm għal kollox il-provista ta’ gass naturali. Diffiċli tifhem kif miżuri f’das-sens jistgħu jibqgħu kompatibbli… tal-anqas fuq medda medja ta’ żmien… mal-miri dwar it-tisħin tal-klima.

PROĊEDURI LEGALI

Forsi qabiżli: imkien għadni ma rajt dokument li jippreżenta b’mod sintetiku xinhuma l-proċeduri legali li jridu jitneħħew, jittejbu, jew jiżdiedu biex il-proċessi fil-qrati jimxu b’ħeffa u trasparenza. F’numru ta’ proċessi li jirrigwardaw il-ħasil tal-flus, imma mhux biss, ninsabu bbumbardjati b’aħbarijiet li juru kif dak li jinsab għaddej se jieħu fit-tul ħafna. Juru wkoll li jeżistu ħafna maniġġi “aċċettabbli” kif naħa jew oħra titlef il-ħin jew ittawwal l-andament tal-proċessi.

Il-mistoqsija tqum: possibbli li m’hemmx mod kif dan kollu jiġi msewwi b’bidla ta’ darba f’kull qasam tal-proċeduri, mibnija fuq l-istess prinċipji, mhux b’pinzellati ta’ emendi suċċessivi li x’aktarx ikomplu jħawdu l-bigħa?

Wisq nibża’ li jeżisti dal-mod, imma wisq interessi vestiti jarawh bħala theddida. Il-periklu hu li s-sistema legali Maltija ma tibqax tittieħed bis-serjetà (nassumi li sa issa għadha) la miċ-ċittadini Maltin u lanqas mill-barranin.