Ftit li xejn nitkellmu dwar iċ-ċittadinanza b’naturalizzazzjoni, dixxendenza jew bi żwieġ. Ċittadinanza b’naturalizzazzjoni hija meta persuna b’ebda rabtiet jkun ilha toqgħod f’pajjiż u xorta tikseb iċ-ċittadinanza. Ħarist ħarsa lejn is-siti elettroniċi ta’ diversi pajjiżi tal-Unjoni b’mod sporadiku.
Nibdew bl-Italja. Pajjiż maħbub b’niesu jimxu b’rashom mgħollija anke jekk illum huma pajjiż b’dejn pubbliku ta’ 147.21% meta mqabbel mal-PDG fl-2022 skont statista.com (Malta 56.98%). Li kieku ma kienx hemm parti mill-Iżvizzera, ħadd aktar ma jitkellem it-Taljan. Biex persuna ssir Taljana trid tkun ilha sentejn miżżewġa (Malta trid tkun ilha ħames snin) u jekk tkun toqgħod barra l-Italja trid tistenna tliet snin. Però, il-livell ta’ Taljan irid ikun ta’ B1 (Livell Avvanzat): li tkun diġà kapaċi tikkomunika mingħajr problemi. Dan japplika anke meta l-persuna tikseb iċ-ċittadinanza permezz tan-naturalizzazzjoni.
Franza hija eks-imperu. L-Afrika ta’ Fuq kważi kollha, nofs l-Afrika, il-Quebec fil-Kanada u gżejjer oħra għandhom il-lingwa Franċiża l-ewwel jew it-tieni lingwa tagħhom. Trid tkun ilek miżżewweġ erba’ snin iżda trid tkun taf bil-Franċiż – miktub u mitkellem – fil-livell B (B1 jew B2) biex tikseb iċ-ċittadinanza.
Biex issir ċittadin Ġermaniż, jekk tiżżewweġ Ġermaniż/a, biżżejjed toqgħod il-Ġermanja tliet snin u tkun ilek miżżewweġ sentejn. Iżda l-lingwa Ġermaniża trid tkun tafha fil-livell B1. Hija lingwa verament kumplessa fejn anke l-istruttura tas-sentenza hija ferm ’il bogħod mil-lingwi romantiċi. Għalihom ‘l-abbiltà li tikkomunika hija essenzjali għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika’.
Id-dejn tal-Greċja fl-2022 skont statista.com, kien ta’ 177.59%. Dan il-pajjiż id-dar tal-Greċja antika donnu wkoll llum il-ġurnata m’għandux għaliex jitkabbar. Iżda, dawk kollha li jixtiequ jiksbu ċ-ċittadinanza Griega xorta jkollhom jitgħallmu l-Grieg qabel ma joħolmu japplikaw. Ċittadin tal-UE irid jgħix il-Greċja tliet snin, jekk mhux mill-UE, iridu jqattgħu seba’ snin jgħixu l-Greċja qabel ma japplikaw għaċ-ċittadinanza. Persuna miżżewġa kull ma trid tliet snin jew li jkollok tifel jew tifla mal-konjuġi tiegħek. Imma trid tagħmel eżami dwar il-kultura, il-ġeografija u l-istorja tal-Greċja u l-livell milħuq fil-lingwa mitħaddta u miktuba (b’alfabett differenti) irid ikun ukoll ta’ B1 (Livell Avvanzat).
L-Olanda m’għandha xejn x’taqsam bħala kobor ta’ pajjiżi li semmejna. Biex issir Olandiż trid tgħaddi minn test fejn tirrispondi dwar il-kultura Olandiża u turi li għandek ħiliet ta’ kitba, fehim bil-qari, fehim mil-lingwa mitkellma u li titkellem ukoll bl-Olandiż fil-livell A2 – jiġifieri livell ordinarju tajjeb.
L-Estonja huwa pajjiż żgħir. Eks-Unjoni Sovjetika. Demokrazija u indipendenza relattivament żagħżugħa. Mhux talli ma kinitx imperu talli kienet parti minn Imperu bħalna. Jekk ikun ilek tgħix hemm tmien snin, b’ħamsa minnhom b’mod permanenti u tgħaddi mill-eżami tal-lingwa Estonjana u ieħor dwar il-Kostituzzjoni tal-Estonja fost oħrajn, tista’ ssir ċittadin.
L-Ungerija kienet ukoll imperu. Illum pajjiż uniku fl-Unjoni kemm lingwistikament kif ukoll politikament. L-uniċi nies li jistgħu jqabblu mal-lingwa tagħhom biex jitgħallmu l-Ungeriż huma xi minoranzi f’xi pajjiżi fil-qrib, il-Finlandiżi u l-Estonjani. Malli wieħed jitwebbel japplika għaċ-ċittadinanza Ungeriża l-ewwel li jrid jagħmel huwa test tal-lingwa.
Il-Bulgarija huwa pajjiż ieħor tal-UE li spiss kien fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja. Illum huwa wieħed mill-aktar pajjiżi dgħajfa ekonomikament fl-Unjoni. Forsi l-kburija li naraw fit-Taljani, fil-Ġermaniżi mhijiex eżistenti fil-Bulgari. Iżda għal darb’oħra parti mill-kisba taċ-ċittadinanza tal-pajjiż hu test fejn wieħed juri l-għarfien tiegħu tal-istorja tal-Bulgarija, tal-kultura u tal-istruttura tal-istat. Dan huwa meħtieġ biex il-kandidat juri ‘l-impenn tiegħu lejn il-pajjiż’. Ma jidhirx li wieħed/waħda għandhom bżonn ikunu jafu l-Bulgaru biex isiru ċittadini jekk huma miżżewġin lil xi ħadd. Iżda jekk mhumiex miżżewġin u qed iġibu ċ-ċittadinanza sempliċiment a bażi tal-fatt li ilhom residenti fil-pajjiż iridu juru għarfien tal-lingwa.
Fi kliem ieħor, prattikament s’issa, il-Maltin biss qed jagħtu ċ-ċittadinanza lil nies li ma jafux bil-lingwa ta’ pajjiżhom. Xi kultant anke lil nies li lanqas biss jafu bl-Ingliż. Minn pajjiżi eks-imperi għal pajjiżi falluti finanzjarjament għal pajjiżi eks-Unjoni Sovjetika kollha kburin bil-lingwa tagħhom u lesti jagħtu ċ-ċittadinanza lil dawk li niżżlu rashom u tgħallmu l-lingwa. Aħna biss qed nagħtu bis-sieq lill-ilsien Malti stess. L-iżgħar lingwa tal-Unjoni hija mhedda minn niesha stess. Fejn hi l-kburija tagħna? X’għandna xi jħammrilna wiċċna? Jaqgħu naħsbu li l-lingwa tagħhna hija inferjuri b’xi mod? U min jaħseb hekk?