Saturday, April 27, 2024

MALTIN BĦALI

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet kont mistieden għal konferenza organizzata min-Nisa Laburisti li kienet titratta l-ugwaljanza u l-pass li jmiss f’dawk li huma drittijiet ċivili f’pajjiżna.

Il-konferenza żvolġiet f’diskussjoni verament interessanti. Mhux biss minħabba l-importanza tas-suġġett fih innifsu imma fuq kollox minħabba li fost dawk kollha li attendew kien hemm nies b’esperjenzi soċjali u professjonali verament differenti. 

Diskussjoni li tassew tixhed il-fatt li fid-diversità kapaċi naslu għal riżultati aħjar li jirriflettu l-esperjenzi differenti ta’ nies b’perspettiva differenti.

Fost il-ħafna interventi li saru però, nistqarr li laqatni wisq kumment li sar minn Maali Boukadi, meta stqarret li skont hi, l-intolleranza razzjali f’Malta pajjiżha kienet ħafna anqas tul żgħożita milli hija illum il-ġurnata.

Għal mument nistqarr li ma fhimtx eżatt il-punt ta Maali. 

Kif jista’ jkun f’Malta li mxiet tant ’il quddiem fl-aħħar snin f’ dawk li huma drittijiet ċivili tkattar sens ta’ intolleranza aktar qawwi milli kien 15 jew 20 sena ilu?

Fil-Fatt Maali kellha raġun. 

Maali Maltija bħali. 

Bħali twieldet u trabbiet f’Malta u bħal ħafna minnha għandha kunjom li jixhed l-oriġini Għarbija. Bid-differenza li Boukadi huwa ħafna anqas popolari minn ngħidu aħna Abdilla jew Buhagiar. L-akbar ħtija ta’ Maali però, u bħala ta’ ħafna żgħażagħ Maltin oħra, huwa propju li l-karnaġġjon tagħha nzerta huwa daqsxejn aktar skur u allura taf int, Maali ma tibqax Maltija bħali.

Bqajt naħseb.

Min jaf kif iħossuhom dawn iż-żagħżagħ Maltin, illum, fl-2021, meta xi hekk imsejjaħ ‘patrijott’ li ma jafx ikanta l-innu ta’ pajjiżu jkun qed jiprotesta ġewwa l-belt kontra ‘s-suwed’. Waqt li jxejjer il-bandiera tal-Maltin. 

Il-bandiera li hija wkoll ta dawn iż-żgħażagħ Maltin.

Inizjattiva interessanti f’dan ir-rigward qiegħed jeħodha Omar Rababah li qiegħed jesponi din ir-realtà f’serje ta’ intervisti qosra ma’ żgħażagħ Maltin li għaddew minn esperjenzi simili. Naħseb li wasal iż-żmien li nieħdu din ir-realtà bis-serjetà u nkunu intolleranti għal intolleranza. 

Sport