Wednesday, April 24, 2024

Man Utd mhux se jappellaw it-tkeċċija ta’ Casemiro

Aqra wkoll

Manchester United iddeċidew li ma jappellawx il-karta ħamra murija lill-midfielder Brażiljan, Casemiro, fid-draw ta’ 0-0 tal-Ħadd li għadda kontra Southampton.

Ir-referee Anthony Taylor inizjalment ibbukkja lil Casemiro għal daħla fuq Carlos Alcaraz, iżda mbagħad keċċieh wara li mar jara l-monitor tat-televiżjoni fuq parir tal-VAR. Il-United emmnu li ftit kien hemm ċans li d-deċiżjoni tiġi maqluba.

Casemiro issa se jiskonta sospensjoni domestika immedjata ta’ erba’ logħbiet. Il-logħba addizzjonali tiġi għax kienet it-tieni tkeċċija tiegħu tal-istaġun, wara karta ħamra kontra Crystal Palace fi Frar.

Huwa se jitlef il-kwarti-finali tal-FA Cup kontra Fulham u l-logħob tal-Premier League kontra Newcastle United, Brentford u Everton.

“Madwar il-kampjonati Ewropej, lagħab f’aktar minn 500 logħba li fihom qatt ma ġie muri l-karta l-ħamra u issa ddobba tnejn fi żmien qasir,” qal il-manager tal-United, Erik ten Hag, wara l-logħba ta’ Southampton.

“Huwa jilgħab iebes iżda ġust, u anke f’dan qed jilgħab ġust. L-istess bħal kontra l-Palace, għalhekk huwa dibattibbli ħafna.

“Meta tiffriża tidher ħażin, iżda kull min jaf xi ħaġa dwar il-football, li qed jaġixxi fuq il-football ta’ livell għoli, jaf x’inhu ħażin u x’inhu mhux ħażin u x’inhu ġust.

“Ngħidilkom, Casemiro huwa player tassew ġust. Iebsa iżda ġust u jidher aktar fil-500 logħba li lagħab fil-kampjonati kbar, fejn qatt ma tkeċċa.”

Id-difensur kollega tiegħu kemm ma’ Real Madrid u mal-United, Raphael Varane, żied jgħid: “Huwa player importanti ħafna għalina.

“Huwa jġib bilanċ lit-team u lill-iskwadra, iżda għandna skwadra kbira u rridu nsibu bilanċ ieħor mingħajru.

“Iżda għandna players tajbin f’kull pożizzjoni fil-ground u lesti għal-logħob li jmiss.

“Naħseb li kien diżappuntat ħafna għax ħadd ma jrid joħroġ mill-ground qabel it-tmiem iżda kif ngħid jien dan huwa parti mill-football.”

Casemiro, li għalaq 31 sena fit-23 ta’ Frar, beda l-karriera ma’ Sao Paulo f’pajjiżu waqt li fl-Ewropa lagħab ma’ Porto, Real Madrid u issa ma’ Manchester United.

In-numru ta’ unuri li rebaħ ma’ Real huwa kbir meta rebaħ La Liga tliet darbiet, il-Copa del Rey darba, is-Super Copa Spanjola tliet darbiet, iċ-Champions League ħames darbiet, il-UEFA Super Cup tliet darbiet u l-FIFA Club World Cup tliet darbiet.

Fil-ftit xhur li ilu mal-United huwa rebaħ il-League Cup ix-xahar li għadda waqt li mal-Brażil rebaħ il-Copa America fl-2019.

Sport