Sunday, December 22, 2024

Manchester City jistgħu jitkeċċew mill-Premier League Ingliż

Aqra wkoll

Manchester City jistgħu jitkeċċew mill-Premier League wara li ġew akkużati b’aktar minn 100 allegat ksur tar-regoli finanzjarji.

Pieni oħra possibbli jinkludu tnaqqis ta’ punti għaċ-champions renjanti, sospensjoni ta’ trasferimenti, limiti ta’ nfiq u anke t-tneħħija ta’ titli preċedenti.

L-investigazzjoni dwar it-trattamenti tal-club ilha għaddejja erba’ snin.

U issa l-Premier League ppubblikaw is-sejbiet tagħhom fuq il-website uffiċjali tagħhom fejn ġie espost il-qerq tal-club tal-Etihad. 

Għalkemm f’dan l-istadju ġew akkużati iżda ma nstabux ħatja, Manchester City ma jkunux jistgħu jressqu appell qud­diem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport jekk is-sentenza tmur kontrihom.

L-akkużi huma relatati ma’ ksur tar-re­golamenti fuq disa’ staġuni bejn l-2009 u l-2018, bl-investigazzjoni tibda lura f’Diċembru 2018.

Dan ġie żvelat wara l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti mill-website tal-ġurnal Ġermaniż Der Spiegel,  bl-investigazzjoni tiffoka fuq tliet oqsma speċifiċi.

L-ewwel kwistjoni allegata hija “li players taħt l-età ġew ippressati biex jiffirmaw kuntratti mas-City permezz ta’ pagamenti monetarji”.

It-tieni, li l-isponsors ta‘ Abu Dhabi “pprovdew biss porzjon tal-pagamenti tagħhom lill-club”, bis-sid Sheikh Mansour eżaġera d-dħul mill-isponsorizzazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-eks boss Roberto Mancini irċieva “porzjon sinifikanti” ta’ kumpens minn “kuntratt ta’ konsulenza fittizju” meta ħalla l-club fl-2013.

Huwa mifhum ukoll mill-Premier Lea­gue li fis-sejbiet bla preċedent tagħhom Manchester City naqsu li jkunu konformi mar-regolamenti tal-UEFA dwar il-liċenzjar tal-clubs u l-Financial Fair Play fl-2013-14 u bejn l-2014-15 u l-2017-18.

Ksur ieħor huwa relatat mar-regoli ta’ profitt u sostenibbiltà fl-2015-16, fl-2016-17 u fl-2017-18.

Il-Premier League akkuża wkoll lis-Citizens li naqsu milli jikkooperaw u jassistu fl-investigazzjoni.

Il-UEFA tathom daqqa ta’ ħarta b’sospen­sjoni ta’ sentejn u mmultat lill-club £25 miljun fi Frar 2020 għal allegat ksur tal-Financial Fair Play.

Madankollu, ħames xhur biss wara, din id-deċiżjoni ġiet mibdula f’£9 miljuni mill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport.

Issa s-sejbiet tal-investigazzjoni tal-Premier League u bosta allegati ksur ġew rif­e­ruti lil kummissjoni.

Il-Kummissjonijiet huma indipendenti mill-Premier League u l-clubs membri tiegħu, bil-membri tal-kummissjoni maħtura mill-president indipendenti tal-Panel Ġudizzjarju tal-Premier League.

Jekk jinstabu ħatja, ir-ramifikazzjonijiet jistgħu jkunu katastrofiċi għal Manchester City … kif ukoll għal Pep Guardiola.

L-Ispanjol kien hedded li jrriżenja minn manager jekk jirriżulta li s-sidien jinstabu ħajta ta’ xi għemil ħażin.

Huma rebħu l-kampjonat tliet darbiet fil-perjodu kopert mill-investigazzjoni – fl-2011-12, fl-2013-14 u fl-2017-18.

Huma spiċċaw ukoll fil-quċċata tal-klassifika tliet dar­biet minn dakinhar – fl-2018-19, fl-2020-21 u fl-2021-22. 

Ekonomija

Sport