Il-Kowċ tat-Tim Nazzjonali Malti tan-Nisa, Manuela Tesse, temmet il-programm tal-FIFA ‘Elite Performance: Coach Mentorship Programme’, wara li attendiet l-aħħar workshop tiegħu f’Rabat, il-Marokk.
Dan il-programm, li jkopri perjodu ta’ 18-il xahar, jgħaqqad kowċis nisa minn madwar id-dinja ma’ menturi b’esperjenza, u jappoġġja l-iżvilupp tagħhom permezz ta’ workshops, żjarat ta’ skambju u tagħlim kondiviż. Tesse kellha bħala mentur lil Tina Theune, li mexxiet lill-Ġermanja biex tirbaħ it-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-FIFA fl-2003.
Meta tkellmet dwar din l-esperjenza, Tesse qalet:
“Ninsab grata lejn il-Malta FA talli tatni l-opportunità li nieħu sehem fil-programm ta’ mentoring tal-FIFA. Matul dawn l-aħħar 18-il xahar, żviluppajt kemm bħala kowċ kif ukoll bħala persuna, grazzi għall-gwida tal-mentur tiegħi, Tina, u l-esperjenzi kondiviżi minn menturi u parteċipanti oħra minn madwar id-dinja.
“Bħala l-kowċ ta’ Malta, nixtieq inkompli nibni fuq dan ix-xogħol billi ngħin lil aktar plejers jaraw futur għalihom infushom fil-qasam tal-kowċing. Dan huwa t-tifsira ta’ din l-esperjenza għalija, u dan huwa dak li se nieħu miegħi lura fix-xogħol tiegħi mat-tim nazzjonali.”




