Tuesday, December 24, 2024

MAPFRE torganizza seminar dwar ir-reżiljenza fin-nisa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara

Aqra wkoll

Fl-Okkażjoni ta’ Jum il-Mara, MAPFRE organizzat seminar ispirat mill-ktieb Resilient Women: Conversations about mastering life, pubblikazzjoni bi stejjer li jesploraw l-isfidi u jiċċelebraw il-kontribuzzjonijiet ta’ 15-il mara minn diversi oqsma tal-ħajja, minn politika, negozju, il-ħajja reliġjuża u dik filantropika, fost oħrajn.

Għal din l-attività, kienet mistiedna Dr Stephanie Fabri, waħda minn tim ta’ erba’ edituri li ħadmu fuq din il-pubblikazzjoni, u protagonisti oħra li kienu jinkludu l-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca u Mary Gaerty, li tkellmu dwar esperjenzi ta’ sfidi f’ħajjithom.

L-attività kienet mmexxija minn Keith Demicoli, li mexxa din id-diskussjoni b’mod interattiv u talab lil-mistiedna jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom. Huma esprimew l-isfidi personali tagħhom kif ukoll l-esperjenzi emozzjonali li għaddew minnhom. Din kienet tassew interessanti għall-parteċipanti li kienu jinkludu impjegati ta’ MAPFRE Middlesea u MAPFRE MSV Life.

Dr Fabri innotat li dawn in-nisa urew perseveranza u reżiljenza quddiem sfidi li kejlu il-kapaċitajiet tagħhom bl-akbar mod, u l-ktieb huwa xhieda ħajja tal-kapaċitajiet straordinarji tal-ispirtu uman u dak li jistgħu jiksbu individwi b’rieda qawwija biex jirnexxu, minkejja li l-ħajja mhux dejjem ward u żahar.

Din id-diskussjoni kienet ta’ ispirazzjoni għal dawk kolla preżenti u wriet b’mod ċar li minkejja l-ostakli kollha li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom, kull wieħed u waħda minnha kapaċi nkunu ta’ servizz għall-oħrajn.

L-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca qalet li r-reżiljenza tintwera permezz ta’ deċiżjonijiet iebsa li wieħed irid jieħu fil-ħajja, kemm fl-ambjent professjonali kif ukoll f’dik personali, u xi deċiżjonijiet huma diffiċli ħafna għan-nisa għax huma mistennija jibbilanċjaw il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol tagħhom mingħajr ma jissagrifikaw l’ebda minnhom. Dan huwa diffiċli ħafna u li jagħmilhom saħansitra aktar reżiljenti.

Is-Sinjura Gaerty iddeskriviet kif il-passjoni u d-determinazzjoni tagħha flimkien mal-kreattività u l-valuri ta’ tmexxija tagħha għamluha mara reżiljenti f’ambjent li huwa predominanti maskili.

Claudia Calleja, li intervistat lin-nisa għall-ktieb u kienet parti mill-bord,qalet li dan “Kien proġett interessanti ħafna li joħroġ l-aspett uman, u dawn in-nisa jitkellmu fit-tul dwar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, mhux biss min-nisa għan-nisa, għax meta nitkellmu fuq reżiljenza qed nitkellmu fuq aspett tas-soċjetà li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd. “

Wara s-seminar, Javier Moreno, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp MAPFRE Malta u Etienne Sciberras, il-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE MSV Life ppreżentaw donazzjoni lil Sister Margaret f’isem Dar Merħba Bik. Din id-donazzjoni kienet konformi mad-dħul tal-ktieb li kif stqarret Dr Fabri kien mwettaq minn “Nisa reżiljenti għal nisa reżiljenti”.

Ekonomija

Sport