Monday, May 20, 2024

Mara li sfat feruta f’bumbardament tgħid li tippreferi tmut minflok tgħix taħt Putin

Aqra wkoll

Wiċċ Olena Kourilo ta’ 52 sena mimli dmija tista’ tgħid dar madwar id-dinja fl-aħħar sigħat tant li bosta kmamar tal-aħbarijiet ġabu dan ir-ritratt bi prominenza. Hija spiċċat feruta meta ntlaqtet minn ħġieġa ta’ tieqa mfarrka minn missila. 

Ġara meta Cuhuïv, il-belt fejn tgħix, intlaqtet minn missili tal-avjazzjoni Russi fl-24 ta’ Frar. Ingħad li l-bumbardament ikkawża tal-inqas diżgrazzja waħda u qered jew għamel ħsara lil ħafna bini, inkluż id-dar ta’ Kourilo, li taħdem bħala għalliema u li mil-lum saret ukoll simbolu tal-attakk li nieda r-Russja fuq l-Ukrajna. 

Wara li rċeviet il-kura fl-isptar, Kourilo ġiet intervistata mill-aġenzija tal-aħbarijiet Franċiża AFP u hemmhekk iddeskriviet l-bumbardament. “Jien stajt naħseb biss… m’inix lesta li mmut. Kont taħt xokk, lanqas ħassejt uġigħ, forsi minħabba l-adrenalina”. 

“Kelli xortija tajba,” żiedet tgħid, “Naħseb għandi anġlu kustodju b’saħħtu li jħarisni. Id-dar tiegħi nqerdet, lanqas ma baqa’ tieqa u kollox ġie meqrud”. 

Cuhuïv għandu madwar 30,000 abitant u jinsab ftit inqas minn 40 km minn Kharkiv, waħda mill-ibliet fil-Lvant tal-pajjiż l-aktar milquta mill- bumbardamenti. 

Kourilo spjegat li semgħet li l-istess bumbardament, fil-bini ta’ maġenbha, ikkawża l-mewt ta’ tifla ta’ 13-il sena. 

“Ma ħsibtx li nistgħu naslu s’hawn,” żiedet tgħid, “imma se nagħmel minn kollox għall-Ukrajna, sakemm nista’ u bl-enerġija kollha li għandi. Ngħix taħt Putin? Qatt, taħt l-ebda kundizzjoni: aħjar immut”.

Sport