L-attakkant tal-Ingilterra, Marcus Rashford, żvela l-mument emozzjonali wara ċ-ċelebrazzjoni għall-ewwel goal tiegħu fir-rebħa ta’ 3-0 fuq Wales.
Kienet lejla memorabbli għall-attakkant ta’ Manchester United li skorja doppjetta biex lit-team tiegħu jirbaħ Grupp B u javvanza għall-Aħħar 16.
Wara li fetaħ l-iskor, Rashford niżel għarkopptejh u pponta lejn is-sema f’dik li kienet ċelebrazzjoni kommoventi għall-ħabib tiegħu, Garfield Hayward, li miet jumejn qabel il-logħba wara battalja twila kontra l-kanċer.
“Dejjem kien partitarju kbir tiegħi. Kien biss persuna kbira u ninsab kuntent li daħal f’ħajti, tassew.”
Rashford ġie msejjaħ fil-formazzjoni inizjali għall-ewwel darba f’din l-edizzjoni u jidher li se jżomm postu għal-logħba kontra s-Senegal, nhar il-Ħadd li ġej.
“Kienet sfida għalih,” qal il-manager tal-Ingilterra, Gaerth Southgate, li ma kienx konxju li l-ħabib ta’ Rashford kien miet fil-preparazzjoni tal-logħba.