Wednesday, March 27, 2024

MALTA B’IRKUPRU B’SAĦĦTU FIT-TURIŻMU

Aqra wkoll

Kontributur ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna huwa t-turiżmu. Settur li għalkemm kien l-aktar affettwat minħabba l-pandemija, issa qiegħed jirpilja b’ritmu mgħaġġel ħafna u dan jixhduh in-numri tat-turisti li ġew fostna u anke l-iljieli li dawn qattgħu f’Malta. Minbarra f’dan, jidher ukoll li l-prospetti għax-xhur li ġejjin huma wkoll pożittivi tant li esperti ewlenin f’dan il-qasam qegħdin ibassru aktar sinjali ta’ rkupru. 

Nemmnu però li dan l-irkupru ma jiġix waħdu. Warajh irid ikun hemm ħidma sfiqa minn diversi entitajiet li jagħmlu minn kollox biex jirreklamaw lil pajjiżna bl-aħjar mod possibbli barra minn xtutna. Fuq quddiem nett l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li taħdem qatigħ biex tara li pajjiżna jidħol fi swieq internazzjonali ġodda. Dan filwaqt li għandek Gvern li jara li jkunu allokati r-riżorsi meħtieġa lil din l-awtorità u anke lill-Ministeru għat-Turiżmu. 

B’sodisfazzjon ninnotaw ċifri ppubblikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li kklassifikat lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi minn madwar id-dinja kollha li qegħdin fuq quddiem nett biex jintlaħqu l-livelli tat-turiżmu bħalma kien hemm qabel feġġet il-pandemija tal-Covid-19.

Huwa stmat ukoll li sa tmiem din is-sena, se jkunu waslu b’kollox f’Malta madwar 2.2 miljun turist. Din hija rata ferm aktar mid-doppju tal-wasliet li ġew irreġistrati fl-2021 u saħansitra aktar minn dak li kien previst għal din is-sena. Dan filwaqt li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena ġew irkuprati 81% tat-turisti tal-2019. 

Dawn iċ-ċifri pożittivi jimlewna bil-kuraġġ illi l-irkupru f’dan is-settur se jkompli jkun veloċi u b’saħħtu. F’dan l-isfond, nirreferu wkoll għall-aħħar stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu fost il-membri tagħha, li filwaqt li kkonferma l-effett pożittiv fuq in-negozju ġġenerat mill-istabbilimenti turistiċi Għawdxin bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, wera sinjali inkoraġġanti li din is-sena tassew se tkun is-sena tal-irkupru għat-turiżmu f’Għawdex.

Ma setax jonqos li s-sussidju li ta l-Gvern fosthom li assorba ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil kienu miżuri fid-direzzjoni t-tajba li komplew iħeġġu l-irkupru tant meħtieġ f’dan is-settur li jgħajjex eluf ta’ familji f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport