Thursday, December 19, 2024

Marie-Louise Coleiro Preca eletta mill-ġdid President tan-network Ewropew tad-drittijiet tat-tfal

Aqra wkoll

Marie-Louise Coleiro Preca, President Emeritus ta’ Malta, Fundatriċi u Chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, reġgħet giet eletta biex tmexxi l-Eurochild għat-tieni term.

Eurochild, li għandha madwar 200 membru f’37 pajjiż, hija network prestiġjuża ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal madwar l-Ewropa, u li jistinkaw għal soċjetà li tirrispetta d-drittijiet tat-tfal.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Eurochild Jana Hainsworth qalet li l-Eurochild hija ferħana ħafna li Coleiro Preca ġiet eletta mill-ġdid għat-tieni mandat ta’ tliet snin bħala President tal-Eurochild. 

“Tul il-karriera tagħha, l-E.T. Coleiro Preca sostniet id-drittijiet tat-tfal u aħna xxurtjati li nistgħu nisfruttaw din l-esperjenza u l-impenn għall-benefiċċju tal-komunità tad-drittijiet tat-tfal madwar l-Ewropa”. 

“F’dan il-mument kritiku fl-istorja tagħha, l-Ewropa għandha bżonn vuċi b’saħħitha għat-tfal. Taħt it-tmexxija ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, in-network ta’ Eurochild se tikkonsolida l-impatt u l-influwenza tagħha, biex tiżgura li l-ebda tifel jew tifla ma jibqgħu lura,” qalet is- Hainsworth.

Coleiro Preca, li serviet kemm bħala Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali kif ukoll bħala President ta’ Malta, għal dawn l-aħħar snin iddedikat l-attenzjoni tagħha biex issaħħaħ d-drittijiet tat-tfal f’Malta u fuq livell Ewropew permezz tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u hidma ohra li twettaq.

Permezz tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u l-Malta Trust Foundation, is- Coleiro Preca poġġiet enfasi fuq il-parteċipazzjoni tat-tfal u waqqfet l-Osservatorju tad-Drittijiet tat-Tfal Malta (CROM) b’kollaborazzjoni mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà tal-Università ta’ Malta.

Coleiro Preca kienet ukoll strumentali biex timbotta lill-politiċi biex jiddefendu l-prinċipji ewlenin tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

B’reazzjoni, Coleiro Preca qalet li kienet onorata li reġgħet ġiet eletta President ta’ dan in-network b’saħħtu Ewropew. 

“Qegħdin noperaw fl-iktar żminijiet ta’ sfida, li jagħmel ix-xogħol tagħna mat-tfal u għat-tfal madwar l-Ewropa aktar u aktar importanti. Aħna determinati li nkomplu naħdmu bla heda biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tat-tfal,” tenniet. 

“Il-Eurochild qed tiżviluppa u tapprova l-pjan strateġiku l-ġdid tagħha għas-snin li ġejjin, u dan bla dubju se jkun perjodu eċċitanti. Aħna determinati li nkomplu naħdmu fl-aħjar interess tat-tfal kollha li jgħixu fl-Ewropa.”

Ekonomija

Sport