Wednesday, October 14, 2026
Home Sport Pietro Vierchowod … storja ta’ plejer li bena karriera fuq kwalitajiet sempliċi...

Pietro Vierchowod … storja ta’ plejer li bena karriera fuq kwalitajiet sempliċi iżda fundamentali: veloċità, saħħa, dixxiplina u professjonalitá

0
64

Minn Cristian Muscat

Pietro Vierchowod, wieħed mill-aqwa difensuri li pproduċa l-futbol Taljan, tkellem ma’ dan is-sit dwar karriera professjonali ta’ madwar 20 sena, il-laqam “Lo Zar”, l-oriġini Ukrena ta’ missieru, il-veloċità straordinarja tiegħu u l-kowċis li ħallew marka kbira fuqu.

Vierchowod kien Malta bejn il-25 u s-27 ta’ Settembru 2026 bħala parti mill-inizjattiva Calcio Italia Legends u l-ħames edizzjoni tal-kampanja Sport for Parkinson’s b’risq Step Up for Parkinson’s. Matul iż-żjara tiegħu kien akkumpanjat minn żewġ eks plejers oħra magħrufa tal-futbol Taljan, Simone Perrotta u Stefano Eranio.

Għal dawk li segwew is-Serie A fis-snin 80 u 90, l-isem ta’ Pietro Vierchowod huwa sinonimu ma’ difensur b’saħħtu, veloċi u diffiċli ferm biex tegħleb. Twieled f’Calcinate, fil-provinċja ta’ Bergamo, iżda l-istorja tal-familja tiegħu għandha għeruq fl-Ukrajna.

Missieru, Ivan Lukyanovych Verkhovod, kien Ukren u eks priġunier tal-gwerra Sovjetiku.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija nqabad, iżda rnexxielu jaħrab minn kamp ta’ konċentrament Nażista fit-Tramuntana tal-Italja u ngħaqad mar-Reżistenza Taljana. Wara l-gwerra ddeċieda li ma jirritornax lejn l-Unjoni Sovjetika u stabbilixxa ruħu fir-reġjun tal-Lombardia.

Din l-oriġini kienet ukoll marbuta ma’ wieħed mill-aktar laqmijiet famużi fil-futbol Taljan – “Lo Zar”.

“Missieri kien Ukren,” spjega Vierchowod f’din l-intervista. Huwa fakkar kif matul iż-żmien tiegħu ma’ Sampdoria, f’Genova, bdew jassoċjaw l-oriġini tal-familja tiegħu mal-laqam “Lo Zar”, li baqa’ marbut miegħu tul il-karriera tiegħu.

Interessanti li Vierchowod ma bediex il-futbol bil-ħsieb li jsir difensur.

“Meta kont żgħir kont nilgħab ma’ tim ta’ raħal żgħir u kont attakkant. Darba kien hemm difensur li kien nieqes u poġġewni f’dik il-pożizzjoni. Ħassejtni tajjeb hemmhekk u komplejt.”

Kienet bidla li eventwalment kellha twasslu sal-ogħla livelli tal-futbol dinji.

Wieħed mill-akbar vantaġġi tiegħu kienet il-veloċità naturali. Vierchowod spjega li sa minn meta kien tifel kien jinduna li kellu xi ħaġa differenti minn sħabu.

“Meta konna nagħmlu t-tiġrija tal-100 metru l-iskola, kont dejjem veloċi. Kienet xi ħaġa naturali fija.”

Meta ma’ din il-veloċità żied is-saħħa fiżika, l-abbiltà li jaqra l-logħba u d-determinazzjoni tiegħu, Vierchowod sar wieħed mill-aktar difensuri diffiċli biex attakkant jiffaċċja.

Tul il-karriera tiegħu lagħab ma’ Como, Fiorentina, Roma, Sampdoria, Juventus, Milan u Piacenza. Rebaħ l-ewwel Scudetto tiegħu ma’ Roma fl-istaġun 1982/83, iżda l-itwal u fost l-aktar kapitli importanti tal-karriera tiegħu kien ma’ Sampdoria.

Ma’ Sampdoria kien parti minn ġenerazzjoni storika. Rebaħ erba’ Coppa Italia, it-Tazza tat-Tazzi Ewropea u, fuq kollox, l-iScudetto tal-iistaġun 1990/91.

“Ma’ Sampdoria rbaħna kważi kollox,” qal Vierchowod.

Kien hemm iżda trofew wieħed li ħarab minn idejhom, it-Tazza taċ-Champions Ewropea.

Fl-1992 Sampdoria waslu sal-finali kontra Barcelona f’Wembley, iżda tilfu 1-0 wara l-ħin barrani.

Minkejja dak id-diżappunt, ftit snin wara Vierchowod kellu ċ-ċans li jtella’ l-akbar trofew Ewropew.

Fl-1995 ingħaqad ma’ Juventus u, ta’ 37 sena, kien għadu kapaċi jikkompeti fl-ogħla livell. Fl-1996 Juventus rebħu ċ-Champions League kontra Ajax fil-finali f’Ruma, wara l-għoti tal-penalties.

Għalih kienet il-biċċa nieqsa minn karriera mimlija suċċessi li issa saret ukoll realta’.

Meta tkellem dwar il-kowċis li ħallew l-akbar impressjoni fuqu, Vierchowod semma diversi ismijiet importanti.

“Giancarlo De Sisti kien il-kowċ favorit tiegħi,” qal, filwaqt li tkellem ukoll b’ammirazzjoni dwar Nils Liedholm.

Il-mentalità Żvediża ta’ Liedholm impressjonatu ħafna. Skont Vierchowod, kien kowċ li ried li kollox isir sew u b’dixxiplina.

Imbagħad kien hemm Vujadin Boskov, figura fundamentali fis-suċċessi ta’ Sampdoria, u aktar tard Marcello Lippi ma’ Juventus.

Kien proprju taħt Lippi li Vierchowod finalment rebaħ iċ-Champions League.

Wieħed mill-aktar aspetti impressjonanti tal-karriera ta’ Vierchowod kien il-lonġevità tiegħu bħala plejer. Baqa’ jilgħab fis-Serie A anke wara li għalaq l-40 sena u temm il-karriera professjonali fl-2000, ta’ 41 sena.

Huwa spjega li kien jieħu sodisfazzjon kbir meta jara plejers ferm iżgħar minnu u xorta jkun kapaċi jegħlibhom fil-konfront dirett.

“Kont nieħu pjaċir nara liż-żgħażagħ. Kont sodisfatt meta kont ninduna li kienu iżgħar minni iżda jien kont għadni aktar veloċi u kien jirnexxieli nisirqilhom il-ballun.”

Dik il-frażi tiġbor tajjeb il-karriera tiegħu: professjonalità, preparazzjoni fiżika u xewqa kontinwa li jikkompeti.

Fil-fatt, anke wħud mill-aqwa attakkanti fl-istorja tal-logħba tkellmu dwar kemm kien diffiċli li tilgħab kontrih. Diego Maradona kien iddeskrivieh bħala wieħed mill-aktar avversarji diffiċli li ffaċċja, filwaqt li Gary Lineker, Marco van Basten u Gabriel Batistuta wkoll faħħru l-kwalitajiet tiegħu bħala difensur.

Vierchowod lagħab 45 darba mat-tim nazzjonali Taljan bejn l-1981 u l-1993. Kien parti mill-iskwadra ta’ Enzo Bearzot li rebħet it-Tazza tad-Dinja tal-1982 fi Spanja, u aktar tard ħa sehem fit-Tazza tad-Dinja tal-1986 u dik tal-1990 fl-Italja.

Hemm ukoll rabta partikolari ma’ Malta.

Fl-24 ta’ Marzu 1993, Vierchowod skorja kontra Malta fir-rebħa ta’ 6-1 tal-Italja f’partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Dak il-gowl, fl-aħħar parti tal-karriera internazzjonali tiegħu, kompla jżid kapitlu ieħor ma’ storja mill-aktar interessanti.

B’aktar minn 500 dehra fis-Serie A, żewġ Scudetti, erba’ Coppa Italia, Tazza tat-Tazzi Ewropej, Champions League u titlu ta’ champion tad-dinja, il-kurrikulu tiegħu jitkellem waħdu.

Iżda wara l-lista tat-trofej hemm l-istorja ta’ plejer li bena karriera fuq kwalitajiet sempliċi iżda fundamentali: veloċità, saħħa, dixxiplina u professjonalità.

Ringrazzjament speċjali għal din l-intervista jmur lil Trident Football Pod

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here