Waqt laqgħa li saret fil-Berġa ta’ Kastilja mar-rappreżentanti ewlenin tas-settur tal-gaming f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-kontribut sinifikanti tas-settur għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna, b’mod partikolari permezz ta’ investiment u ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, l-innovazzjoni u t-tisħiħ tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala waħda mill-aqwa ekonomiji diġitali.
F’kuntest internazzjonali kkaratterizzat minn instabbiltà ġeopolitika, inċertezza ekonomika, avvanzi teknoloġiċi mgħaġġla u kompetizzjoni globali dejjem tikber, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mat-talent, il-Prim Ministru saħaq li l-istabbiltà ekonomika tibqa’ fost l-aktar elementi essenzjali li tagħti saħħa lil pajjiżna.
Għalhekk, Dr Abela enfasizza l-importanza li n-negozji jingħataw ċertezza fit-tul, joperaw f’ambjent fejn l-istituzzjonijiet ikunu b’saħħithom u jkollhom direzzjoni politika ċara, kif ukoll li jkollhom djalogu kontinwu bejn il-Gvern, ir-regolaturi u l-partijiet interessati fis-settur.
Huwa tenna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jħares dawn il-prinċipji, filwaqt li jinsab impenjat biex ikompli joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex is-settur ikompli jikber, isir dejjem aktar innovattiv u jattira aktar investiment ta’ kwalità. Dr Abela sostna li s-settur tal-gaming kien wieħed ta’ suċċess, u għalhekk l-għan tal-Gvern huwa li jiżgura li l-futur ta’ dan is-settur jibqa’ jkun wieħed ta’ suċċess.
Dr Abela afferma li l-Gvern se jkompli jaħdem id f’id mal-partijiet interessati kollha biex Malta tibqa’ pajjiż li tħaddan l-innovazzjoni filwaqt li tħares l-istabbiltà, tixpruna tkabbir ekonomiku sostenibbli u tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma siewja tal-Fondazzjoni GamingMalta u l-Malta Gaming Authority, filwaqt li rrikonoxxa l-irwol kruċjali tagħhom biex ikomplu jikkonsolidaw il-pożizzjoni ta’ Malta bħala waħda mill-ġurisdizzjonijiet ewlenin fid-dinja fis-settur tal-gaming. Dan permezz ta’ tmexxija strateġika, kollaborazzjoni effettiva mal-partijiet interessati u qafas regolatorju b’saħħtu.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll il-Ministri Silvio Schembri, Clifton Grima, Jonathan Attard u Omar Farrugia, id-Deputata Cressida Galea, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

