Mario Fava maħtur Shadow Rapporteur dwar l-Istrateġija Ewropea għat-Turiżmu Sostenibbli

Aqra wkoll

Mario Fava, President tal-Assoċċazzjoni tal-Kunsilli Lokali ġie maħtur uffiċjalment bħala Shadow Rapporteur f’isem il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PES) għall-opinjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għat-Turiżmu Sostenibbli fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

Fava qal li jemmen bis-sħiħ li din l-istrateġija għandha tirrifletti wkoll il-perspettiva Mediterranja, b’mod partikolari r-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom gżejjer bħal Malta, fejn id-densità għolja tal-popolazzjoni, l-ispazju limitat u l-pressjonijiet marbuta mat-turiżmu joħolqu sfidi partikolari.

Huwa saħaq li t-turiżmu sostenibbli m’għandux jitkejjel biss mill-għadd ta’ turisti li jżuru pajjiż jew mill-kontribut ekonomiku li jħalli, iżda għandu jkun hemm bilanċ ġust bejn l-aspettattivi tal-viżitaturi u d-dinjità, id-drittijiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Fava enfasizza wkoll l-importanza li l-Kunsilli Lokali u Reġjonali jkollhom rwol ċentrali fit-tfassil tal-politiki relatati mat-turiżmu, filwaqt li għandhom jirċievu sehem ġust mill-benefiċċji ekonomiċi li jiġġenera dan is-settur.

“Residenti kuntenti jfissru viżitaturi kuntenti u sodisfatti,” sostna Fava, filwaqt li spjega li din hija l-perspettiva li se jkun qed iwassal fid-diskussjonijiet Ewropej dwar il-futur tat-turiżmu.

Huwa temm jgħid li t-turiżmu għandu jkun mezz li jsaħħaħ il-komunitajiet u mhux li joħloq piżijiet addizzjonali fuqhom.

“Residents First – Better Quality of Life”, jiġifieri r-residenti għandhom ikunu l-ewwel prijorità, b’enfasi fuq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd,” temm jgħid Fava hekk kif tħabbret il-ħatra tiegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport