Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Gvern hija li jkompli jsaħħaħ l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità, billi jipprovdi aktar opportunitajiet u għodod li jippermettulhom jgħixu ħajja aktar awtonoma.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Julia Farrugia fil-Parlament semmiet li matul din is-sena ġew investiti €5 miljun fuq l-assistenti personali.
Ħabbret ukoll proposta ġdida li se twessa’ l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità fil-qasam tat-trasport. Permezz ta’ din il-miżura, persuni li minflok jimmodifikaw il-karozza tagħhom jippreferu jikru karozza jew vann adattat għall-bżonnijiet tagħhom, se jkunu jistgħu jagħmlu dan ukoll.
Skont il-Ministru, din il-miżura għandha tkompli tħeġġeġ aktar persuni jieħdu f’idejhom l-indipendenza tagħhom u jkollhom aktar għażliet biex jiċċaqilqu b’mod komdu u sigur.
Il-Ministru rreferiet ukoll għal proġetti oħra li se jitwettqu matul is-sena d-dieħla. Fil-fatt, f’madwar Marzu li ġej, huwa ppjanat li jinfetaħ day centre ġdid għall-anzjani b’diżabilità fil-Gżira, u aktar tard matul is-sena għandu jinfetaħ ċentru ieħor fi Fleur de Lys.
