It-tim taż-żgħażagħ ta’ Marsascala Heat Hockey Club ipparteċipa f’turnew internazzjonali li sar f’Potenza Picena fl-Italja. Din kienet is-seba’ edizzjoni ta’ dan it-turnew bl-Iskalin li pparteċipaw fil-kompetizzjonijiet ta’ taħt it-12 u taħt is-16-il sena fejn tletin tim minn seba’ pajjiżi differenti ħadu sehem.
Għat-tim ta’ taħt it-12-il sena, din kienet l-ewwel esperjenza internazzjonali u fost l-oħrajn huma rreġistraw żewġ draws filwaqt li kellhom wirjiet tajbin fil-logħbiet l-oħra.
Mill-banda l-oħra, it-tim ta’ taħt is-16-il sena impressjona ferm fil-logħob tiegħu fejn kisbu żewġ rebħiet, żewġ draws u telfa minima. F’wieħed mill-konfronti li lagħbu, huma għelbu lit-tim l-iktar favorit Pescara Hockey Club.
It-tim kien akkumpanjat mill-Head Coach Pieter Bregman li kien sodisfatt bil-wirjiet tal-plejers żgħażagħ tiegħu. Magħhom kien hemm ukoll l-umpire tal-hockey Dario Cacopardo li kellu ċ-ċans jikkontrolla 15-il logħba inkluż waħda mill-finali li ntlagħbu.