Wednesday, April 8, 2026

Mart il-Prim Ministru tingħaqad ma’ grupp żgħażagħ fi proġett ġdid li jferraħ tfal rikoverati l-Isptar

Aqra wkoll

Waqt żjara fl-Isptar Mater Dei, Dr Lydia Abela akkumpanjat grupp ta’ intraprendituri żgħażagħ li bdew iwettqu proġett oriġinali maħsub biex iġib faraġ, tama u wens lil tfal li jkunu taħt kura medika l-isptar.

L-inizjattiva soċjali Dr Sunshine, taħt programm immexxi mill-fondazzjoni JA Malta, hija mfassla fuq l-idea li jitqassmu prodotti bħal kotba tal-qari, kuluri u kutri li jservu bħala aljenazzjoni pożittiva għat-tfal li jkunu rikoverati.

Din l-idea nibtet minn esperjenza personali taż-żagħżugħa Yasmine Shawish, li meta kellha 8 snin, kienet qattgħet perjodu l-isptar u ltaqgħet ma’ pazjent ċkejken li ħassu waħdu u mdejjaq. Hija kienet iddeċidiet li taqsam il-ġugarelli tagħha miegħu u hemmhekk rat x’differenza tista’ ssir b’ġest sempliċi.

B’din l-ispirazzjoni, Yasmine ngħaqdet ma’ studenti tal-Kulleġġ San Alwiġi u l-Junior College biex jinħoloq dan il-proġett ta’ kompassjoni li issa beda jiġi attwat fl-isptar bil-għan li jdawwal il-vjaġġ tat-tfal rikoverati.

Waqt li tat is-sehem tagħha biex jitqassmu l-comfort kits ta’ Dr Sunshine, Dr Lydia Abela faħħret il-ħsieb wara din l-inizjattiva li tgħin lit-tfal iħossuhom iktar komdi, filwaqt li tinkoraġġixxi t-trankwilità, il-kreattività u l-immaġinazzjoni tagħhom.

“Dawn iż-żgħażagħ irnexxielhom jgħaqqdu l-ħsieb imprenditorjali mas-sens ta’ solidarjetà soċjali, u li issa qed jissarraf f’azzjoni konkreta u impatt pożittiv fil-ħajja ta’ dawn il-pazjenti u l-familji tagħhom”, qalet mart il-Prim Ministru.

Il-prodotti fil-comfort kits ġew magħżula wara eżerċizzju ta’ riċerka biex ikun stabbilit b’mod xjentifiku x’jista’ jtejjeb dak il-mument diffiċli ta’ pazjenti żgħar fl-età.

Filwaqt li fakkret li din l-inizjattiva waslet biex f’Marzu li għadda Yasmine Shawish tirbaħ ir-rikonoxximent Shape the Future waqt is-serata MARA, Dr Abela ferħet lit-tim kollu ta’ Dr Sunshine għall-ġenerożità li qed juru biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn.

Waqt din iż-żjara, Dr Abela kellha wkoll l-opportunità titkellem mat-tfal rikoverati u l-qraba tagħhom, fejn wasslet messaġġ ta’ kuraġġ. Hija rringrazzjat lill-professjonisti u impjegati tal-isptar tal-ħidma siewja u l-impenn kontinwu tagħhom fil-kura tal-pazjenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport