Sunday, December 22, 2024

Mat-3,400 ħaddiem megħjuna mid-DEIR fl-ewwel 10 xhur tas-sena

Għajnuna lill-istudenti qabel jiġu biex jirfsu d-dinja tax-xogħol

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jeħtieġ li nfasslu t-triq ’il quddiem bil-għan li apparti li nieħdu ħsieb lill-ħaddiema, tingħata għajnuna lil min iħaddem fit-tħaddim tal-prattiċi li jkunu konformi mal-liġijiet tax-xogħol eżistenti f’dan is-settur. Iddikjara dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-uffiċċju tal-Prim Ministru fejn ta’ rendikont tal-ħidma tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DEIR). Huwa semma kif fl-ewwel għaxar xhur tas-sena, id-Dipartiment investiga total ta’ 1,030 każ li jinkludu investigazzjonijiet li jsiru wara rapporti anonimi jew saħansitra b’inizjattiva tad-Dipartiment stess. Is-segretarju Parlamentari qa li din l-istess statistika turi li d-dipartiment għen mhux inqas minn kważi 3,400 ħaddiem. 

Customer Sapport bi kważi €25,000 mistoqsija minn ħaddiema u minn min iħaddem

Fejn jidħol il-Customer Support, l-uffiċjali fis-sezzjoni tal-customer support wieġbu total ta’ kważi 18,400 mistoqsija li saru minn ħaddiema dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-helpline 1575. Fuq il-1576 ġew imwieġba kważi 6,200 mistoqsija li saru minn min iħaddem. Barra minn hekk ġew imwieġba mingħajr dewmien mad-9,700 email li saru mill-pubbliku b’rabta mal-kundizzjonijiet. Semma wkoll kif sal-aħħar ta’ Settembru kien hemm kważi 2,000 persuna li marru personalment ifittxu l-assistenza fid-dipartiment.

Laqgħat biex jiġu regolati stabbilimenti tal-Catering 

Żied biex jispjega dwar studju tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-Catering fejn b’kollox saru madwar mitt spezzjoni fi stabbiliment madwar Malta u Għawdex. Instabu diversi irregolaritajiet u d-dipartiment se jkun qed jorganizza laqgħat biex min iħaddem jiġi ggwidat biex il-ħaddiem ikollu kundizzjonijiet skont il-liġi. 

Miżura oħra implimentata favur il-ħaddiem kienet dik li tara li ħaddiema mal-kuntrattur jipprovdu xogħol lis-settur pubbliku jitħallsu doppju tas-sigħat ta’ xogħol li jaħdmu l-Ħadd. F’dan ir-rigward huwa qal ukoll li ġiet ippubblikata ċirkolari li tistabbilixxi kemm ir-rati ta’ ħlas, kif ukoll is-sigħat u li għal din il-miżura qiegħed ikun proprju l-gvern li jagħmel tajjeb b’investiment ta’ madwar €5 miljun fis-sena.

Barra minn hekk Ellul spjega kif ġew organizzati wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ immirati għal studenti tal-MCAST, Junior College u Higher Secondary li kienu jinsabu fl-aħħar tal-korsijiet tagħhom u li fihom ngħatat informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol bil-għan li la jirfsu fid-dinja tax-xogħol ikunu konxji tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom. Mhux biss. Xi studenti jkollhom saħansitra l-opportunità li permezz tal-iskema tal-Istitut tas-Servizzi Pubbliċi (IPS), jingħataw taħriġ temporanju fuq l-operat tad-dipartiment.

Drittijiet ġodda għal bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol

Fd-diskors tiegħu is-Segretarju Parlamentari għamel referenza wkoll għal numru ta’ drittijiet ġodda, fosthom fir-rigward tal-bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol fejn permezz ta’ din il-liġi, il-leave ta’paternita` żdied minn ġurnata jew jumejn għal għaxar t’ijiem bi ħlas; erbgħa xhur leave għal kull ġenitur – 2 minnhom bi ħlas; kif ukoll l-carers leave ta’ħames t’ijiem – li ġurnata minnhom hija bi ħlas għal min jaħdem fis-settur pubbliku. Fil-Parlament semma ukoll id-dirittijiet il-ġodda marbuta mal-ħaddiema ta’ Pjattaforma Diġitali li ser jidħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Jannar. Andy Ellul stqarr li permezz ta’ din il-liġi l-Gvern mhux biss indirizza l-abbuzi iżda ser ikun qed jagħti aktar dinjita` lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur. 

Is-Segretarju Parlamentari kompla biex ifakkar li quddiem dawn il-kisbiet kollha pajjiżi ġganti bħall-Ingilterra qed jitkellmu fuq sfidi relatati mal-loġistika, l-inflazzjoni, il-gwerra fl-Ukrajna u l-provvista tal-ikel fost lista li ma tispiċċa qatt. Ellul kien ċar li dan il-gvern seta’ jasal s’hawn bi djalogu soċjali li kien kruċjali għal dan is-suċċess u li permezz tal-politika li adatta l-gvern, wara konsultazzjoni ma’ min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, is-soċjetà Maltija ngħatat l-aqwa għajnuna. Fost dawn l-għajnuniet ta’ min infakkru l-Covid Wage Supplement meqjusa mill-gvern bħala investiment ta’ €300 miljun fil-ħaddiema u €600 miljun f’sussidju tal-ikel u l-enerġija. Ma dawn hemm investiment elenkat għas-sena li ġejja ta’ aktar minn €600 miljun għall-familji u min iħaddem.

Studju dwar il-Wage Regulation Orders (WROs)

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul semma kif fis-sena li ġejja l-Gvern ser jibda studju dwar il-Wage Regulation Orders (WROs), liema studju ser iwassal sabiex ċertu anomaliji fil-liġi eżistenti  jiġu indirizzati u għaldaqstant jiġu regolati u armonizzati d-diversi setturi. Qal ukoll li ser tkun qed issir diskussjoni mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi bil-ħsieb li jiddaħħlu regolamenti biex aġenziji ta’ xogħol temporanju jiġu liċenzjati u regolati. Dr Ellul sostna li l-għan ewlieni huwa li dawn l-aġenziji jiġu liċenzjati u kumpaniji li għal xi raġuni jew oħra ma jkollhomx din il-liċenzja, jiġu skwalifikati minn kuntratti pubbliċi u ma jkunux jistgħu jġibu ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.

Meta kien qed jitkellem dwar l-MCESD is-Segretarju Parlamentari qal li dan l-organu ser ikompli bid-diskussjonijiet mal-istakeholders konċernati dwar l-Low Wage Commission. Semma ukoll kif ser tibda konsultazzjoni mal-Imsieħba Soċjali bl-għan li l-MCESD ikompli jissaħħaħ filwaqt li jibqa’ jiffunzjona b’mod awtonumu.

Ekonomija

Sport