“Grazzi lil kulħadd li fhimtu li kienet kanzunetta tassew mill-qalb. Kanzunetta speċjali immens”. Din kienet ir-reazzjoni ta’ Emil Calleja Bayliss, l-awtur tal-kanzunetta ‘Mhux Tal-Aħħar’, il-kanzunetta rebbieħa tal-Festival Mużika Mużika ta’ din is-sena.
L-awtur kompla biex jispjega li sentejn ilu tilef lil ommu ħabta u sabta waqt li kienu għaddejjin bil-preparament tal-istess festival li kien tmexxa minħabba attivitajiet politiċi. Huwa spjega dwar kif l-għada tal-funeral kellhom jidħlu għall-provi tat-tieni edizzjoni u għax il-mużika hija kura mill-isbaħ, din is-sena xtaq li joħroġ dawn l-emozzjonijiet fil-lirika tiegħu.
Calleja Bayliss qal ukoll li kif ħafna jafu l-kantanta Maxine Pace għexet ukoll it-telfa tal-għażiża ommha u b’hekk kellu fiduċja sħiħa fiha li setgħet twassal l-emozzjonijiet kollha.
Spjega dwar il-kompożizzjoni tal-kanzunetta rebbieħa u dwar b’kemm reqqa ra li din tkun verament perfetta. Minn hemm huwa elenka numru ta’ persuni li daħlu magħhom f’dan il-vjaġġ li flimkien ma’ Cyprian Cassar li dejjem emmen u afda fil-viżjoni li ppreżentalu bħala artisti.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici ddeskriva dan il-festival bħala suċċess kbir ieħor tal-identità Maltija.