Saturday, October 5, 2024

Malta b’rata ogħla mill-medja fil-UE ta’ kemm jgħixu n-nies…

... Figuri proviżorji indikaw għomor ta’ 82.4 sena

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Figuri minn statistika tal-Eurostat għas-sena 2022 juru li l-għomor taċ-ċittadini Maltin kien aktar mill-medja fost iċ-ċittadini tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, f’Malta, il-medja meħuda minn figuri proviżorji wrew li fis-sena indikata, meta persuna titwieled kienet mistennija li tilħaq l-età sabiħa ta’ 82.4 sena. Mentri, il-medja ta’ kemm kienu mistennija jgħixu n-nies fl-UE kienet ta’ 80.6 sena. 

L-għomor mistenni fost ċittadini Ewropej sentejn ilu żdiedet b’sitt xhur (0.5 snin) meta wieħed iqabbel dan il-perjodu mal-2021. Dan grazzi għal sistemi tas-saħħa aktar effiċjenti, responsabbiltà personali tal-benesseri, kif ukoll teknoloġija avvanzata. 

Il-Covid-19 kien naqqas il-medja…

F’dawn l-aħħar 20 sena, jiġifieri mill-2002, irriżulta li fl-2019, l-età li wieħed kien mistenni li jgħix kienet laħqet l-għola livelli b’medja ta’ 81.3 sena. Din kienet żieda ta’ 3.7 sena meta mqabbla mal-2002. Ġara li, kawża tal-pandemija tal-Covid-19, din ir-rata niżlet għal 80.4 sena fl-2020 u għal 80.1 sena fl-2021. Fl-2022 l-għomor tal-popli fl-UE kienet żdiedet iżda mhux għal dak li kellna fl-2019.

Ix-xejra pożittiva ta’ ħajja itwal fost iċ-ċittadini Ewropej ma kinitx irreġistrata biss f’pajjiżna. Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn liema huma l-aktar tliet reġjuni fil-UE li għandhom anzjani b’età avvanzata sew, isib li dawn huma r-reġjun Spanjol ta’ Comunidad de Madrid b’85.2 sena; segwit mill-provinċja awtonoma ta’ Trento fl-Italja b’84.4 sena; u Ile de France b’84.1 sena.

Min-naħa l-oħra, l-inqas tliet reġjuni fl-UE li fih in-nies ma jgħixux ħafna fit-tul, erba’ minnhom kienu fil-Bulgarija – Severozapaden (72.3 sena), Severen tsentralen (73.2 sena), Yugoiztochen (73.7 sena), Severoiztochen (74.1 sena); u wieħed fl-Ungerija -Észak-Magyarország (74.1 sena).

In-nisa mistennija jgħixu 5.4 snin aktar

Fejn jidħlu ċ-ċittadini nisa ta’ pajjiżi membri tal-UE, l-istennija tal-għomor fit-twelid irriżulta li fis-sena indikata, hija ta’ 83.3 sena. Hawn ukoll kien hemm żieda b’0,4 meta mqabbla mal-2021 iżda, inqas b’-0.7 meta mqabbla mal-2019. 

Fil-każ tas-sess maskili l-età medja ta’ kemm huma mistennija jgħixu żdiedet b’0.7 snin meta mqabbla mal-2021 biex din telgħet għal  b’77.9 sena. Hawn, però, kien irreġistrat tnaqqis ta’ -0.6 meta mqabbel mal-2019. 

Fl-2022 l-età ta’ kemm kienu mistennija jgħixu n-nisa fl-UE kienet 5.4 snin itwal minn dik tal-irġiel, b’varjazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE. L-aktar pajjiż li rreġistra differenza fl-għomor taż-żewġ sessi kien il-Latvja fejn in-nisa kienu mistennija jgħixu 10 snin aktar mill-irġiel, segwiti mill-Estonja u l-Litwanja, it-tnejn b’8.7 snin differenza. 

Sport