Sunday, December 22, 2024

Mejju jara żieda ta’ 23.5% ta’ turisti li waslu f’pajjiżna

Aqra wkoll

Mejju ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 23.5% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Matul ix-xahar imsemmi f’Malta waslu 351,839 turist. Dan ħareġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

23,243 turist minn dawk li waslu f’Malta f’Mejju li għadda ġew għal raġunijiet taʼ xogħol. L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena li kien jammonta għal 38.4%; warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena li kienu jammonta għal 32.1%.

Ir-rapport jgħid li turisti mir-Renju Unit, mill-Italja u minn Franza kienu jammontaw għal 46.2% tat-turisti kollha li waslu Malta.

Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bʼ20.8%, u qabeż iż-2.0 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli li jammontaw għal 88.9% kienu mgħoddijin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 5.8 iljieli.

L-NSO tirraporta li fʼMejju 2024, in-nefqa sħiħa tat-turisti għaddiet it-€310.7 miljuni, li hija żieda taʼ 30.6% fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat €153.3.

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 202,718, jew 57.6% tat-turisti kollha.

Intant fl-ewwel ħames xhur tal-2024, waslu Malta 1,239,956 turist, żieda taʼ 24.6% fuq l-istess perjodu tal-2023. L-għadd sħiħ tal-iljieli mgħoddijin telaʼ bʼ14.9% u bʼhekk għadda is-7.1 miljun lejl.

L-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq id-€957.5 miljun, 27.6% ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2023. L-infiq sħiħ ras għal ras tela’ għal €772 mis-€754 li kien fl-istess perjodu tal-2023.

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 634,086, jew 51.1% tat-turisti kollha.

Ekonomija

Sport