Wednesday, July 24, 2024

Melita għandhom filosofija waħda li dejjem irnexxiet b’motto partikolari ‘Flimkien Naslu’ – Matthew Naudi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Matthew Naudi huwa l-president ta’ Melita FC, tim li għadu kemm tela’ fl-ogħla diviżjoni Maltija. Dan it-tim rebaħ ukoll il-BOV Challenge League wara li rebħu lil Żabbar St Patrick, tim ieħor li ġie promoss fl-isfida diretta.
Fil-bidu ta’ dan l-istaġun, l-istess Matthew Naudi kien tkellem dwar l-ambizzjonijiet tiegħu bħala president u kemm kien fiduċjuż li dan it-tim ikun suċċess. Ħafna forsi ma tantx emmnuh iżda issa li ntemm il-kampjonat, wieħed ma jistax ma jammirax lil dan it-tim li bir-riżorsi limitati u finanzjarji tiegħu wasal fejn kellu jasal.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Matthew Naudi fejn il-kliem waqa’ fuq l-istaġun brillanti li kellhom Melita.

X’inhuma l-ewwel kummenti tiegħek wara dan is-suċċess li ksibtu bħala Melita FC?

Bla dubju li hemm ferħ u entużjażmu kbir wara dak li rnexxielna nagħmlu. Kien staġun fejn ħdimna flimkien, tim wieħed bil-kumitat, plejers u partitarji li kienu katina waħda flimkien. Kienet ukoll ħidma bil-għaqal bejn dawk kollha involuti li waslet għall-promozzjoni fil-kampjonat BOV Premier. Aħna urejna li minkejja li jisimna Melita, kapaċi wkoll nirbħu u niksbu s-suċċessi meħtieġa. Ħdimna bil-għaqal u xorta ħadna l-massimu għax telgħin bħala champions mhux biss bħala tim promoss.

M’hemmx dubju li fil-Kampjonat Premier tridu ssaħħu l-iskwadra biex tkunu tistgħu tikkompetu filwaqt li takkwistaw numru ta’ plejers barranin hux hekk?

Ovvjament se nsaħħu l-iskwadra fejn se nkunu qed nintroduċu anke xi plejers barranin. Madankollu nemmen li bit-tim li għandna nistgħu nagħtu sfida anke lil timijiet oħra li jilagħbu fil-preżent fil-kampjonat Premier. Madankollu t-tim se jibqa’ bil-qalba tat-tim li bih lgħabna f’dawn l-aħħar snin. Jien u anke l-kowċ Clive Mizzi nemmnu ħafna fil-prodott Malti u fuq kollox fiż-żgħażagħ tal-akkademja tagħna. Dik hi l-filosofija tagħna u ma rridx inbiddilha. Ma nixtieqx nagħmel skossi kbar iżda bla dubju li hemm bżonn inġibu barranin ta’ stoffa li jridu jintegraw ma’ dawk il-plejers Maltin li kisbu l-promozzjoni għall-ogħla kampjonat Malti.

Kif rajtu l-BOV Challenge League matul dan l-istaġun? Kemm kien diffiċli l-livell tiegħu?

Għalkemm aħna ksibna l-promozzjoni erba’ logħbiet minn tmiem il-kampjonat, xorta waħda ngħid li kien hemm livell għoli ħafna b’numru ta’ Maltin tajbin speċjalment fit-Top Six fejn kulħadd kien kapaċi jagħti logħba. Kien hemm plejers Maltin ta’ stoffa li ma sabux posthom fil-kampjonat Premier minħabba n-numru ta’ plejers barranin li lagħbu hemm.

Fuq kollox, kien hemm ukoll timijiet li għalkemm m’għamluhiex mal-aqwa sitta, xorta waħda kienu kompettivi u għalhekk ngħid li l-BOV Challenge League kien missielet u ferm konsistenti bħala logħob. 

Ħa nerġa’ nieħdok lura għas-sajf tas-sena l-oħra. Meta kont qed tippjana t-tim flimkien mal-kowċ Clive Mizzi kont temmen li stajtu tkunu champions ta’ din id-diviżjoni?

Jien ġo qalbi kelli dik il-fiduċja li t-tim se jasal biex jakkwista l-promozzjoni. Ħafna ftit emmnu kliemi meta għad li kapaċi nagħmluha iżda jien għażilt li naħdem fis-silenzju flimkien mal-istaff tekniku tiegħi sabiex ir-riżultati jaslu kif mixtieq. Urejna li jekk klabb jaħdem bil-għaqal kapaċi jasal ukoll. Ovvjament ma kinitx biċċa xogħol faċli iżda dejjem konna saqajna mal-art u naħseb li kien ingredjent ewlieni li wasalna biex niġu promossi. Madankollu forsi ftit kont nemmen li konna se nispiċċaw champions

Kellimni dwar il-kowċ Clive Mizzi li kellu sehem importanti sabiex Melita mhux biss ġew promossi iżda se jitilgħu bħala champions.

Clive Mizzi hu bniedem li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-futbol Malti. Għandu esperjenza vasta anke fuq livell ta’ kampjonat Premier meta mexxa diversi klabbs iġifieri din l-ogħla diviżjoni mhux se tkun xi ħaġa ġdida għalih. Għalija dan kien akkwist importanti li għamilna fil-bidu ta’ dan l-istaġun. Miegħu ħdimna qatigħ tul is-sajf li għadda biex bnejna skwadra kompetittiva. Hu għażel il-plejers li xtaq fil-pożizzjonijiet li xtaqna nimlew u naħseb ftiehmna f’armonija sħiħa miegħu. Hu bħala kowċ mal-ewwel ħassu parti mit-tim u nista’ ngħid li ħassejtni komdu ħafna naħdem miegħu. Ovvjament ir-relazzjoni miegħu se tkompli fil-futur għax nemmen li hu l-kowċ li kapaċi jwassalna biex naffrontaw din l-isfida li għandna fil-kampjonat Premier Malti.

Hemm xi ringrazzjamenti partikolari li tixtieq tagħmel issa li ksibtu l-promozzjoni kif ukoll it-titlu ta’ champions tal-BOV Challenge League.

Bla dubju l-plejers jistħoqqilhom tifħir kbir għax kienu huma l-protagonisti prinċipali ta’ dan is-suċċess. Il-kowċ kelli ċ-ċans insemmih fejn kien motivatur kbir sabiex wasalna fejn wasalna llum. Grazzi b’mod speċjali tmur għall-membri tal-klabb u anke l-partitarji li kienu magħna tul dan il-vjaġġ tant sabiħ. Aktar milli grazzi, xtaqt ngħid prosit lit-tfal tan-nursery u anke lill-plejers li telgħu mill-akkademja tagħna u li kellhom ċans jilagħbu fl-ewwel tim fejn dan jixhed il-progress kbir li għamlu. Grazzi tmur lill-mara tiegħi li tant ħadet paċenzja bija speċjalment dan l-istaġun li tant kien determinanti sabiex ksibna l-promozzjoni u t-titlu ta’ champions. 

Fl-aħħarnett jekk tippermettili nixtieq inwassal messaġġ lill-plejers, diriġenti u partitarji ta’ Melita. Melita FC kellu filosofija waħda li dejjem irnexxiet b’motto partikolari – Flimkien Naslu! Nemmen ħafna fl-ispirtu kollettiv aktar minn dak individwali. Naħseb li kien ingredjent importanti sabiex ġibna lejn il-klabb tagħna din it-tazza li tant ħdimna għaliha!

Ekonomija

Sport