Friday, April 19, 2024

MENT+ : Servizz ġdid għall-intrapriżi li jgħaqqad is-saħħa mentali u l-imprenditorjat

Aqra wkoll

B’kollaborazzjoni bejn entitajiet governattivi, rappreżentanti tal-intrapriża, u Richmond Foundation se jkun offrut servizz ta’ għajnuna li jindirizza s-saħħa mentali. MENT+ hi inizjattiva li nibtet wara li numru ta’ negozji għarfu l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa mentali.

Il-ftehim kien iffirmat bejn Malta Enterprise, Business First, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji, u Richmond Foundation, fil-preżenza tal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Il-ftehim ikompli jibni fuq l-impenn tal-gvern li kontinwament qed jinvesti fil-ħaddiema waqt li jissalvagwardja lill-intrapriżi, anke fi żmien ta’ pandemija globali.

Is-servizz ta’ MENT+ se jingħata fuq żewġ binarji. Permezz tal-website www.mentrepreneurial.com se jingħata training permezz ta’ filmati qosra li jittrattaw suġġetti ta’ kif wieħed jadatta għall-bidla, is-saħħa mentali u r-reżiljenza, fost l-oħrajn. Għal min ikun irid iktar assistenza, Richmond Foundation se tkun qed tipprovdi iktar għajnuna permezz ta’ sessjonijiet iktar dettaljati li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-individwu.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li matul dawn l-aħħar xhur Business First kienet strumentali  flimkien ma’ Malta Enterprise biex tingħata għajnuna lill-intrapriżi.

“Il-pandemija ħalliet impatt mhux biss mill-aspett ekonomiku, iżda ħalliet ukoll impatt fuq is-saħħa mentali ta’ ħafna nies, inkluż ta’ min iħaddem, tal-impjegati, u tal-intrapriżi. Għalhekk, permezz ta’ dan il-ftehim se nwasslu s-servizz tal-MENT+, fejn qed nassistu lill-intrapriżi b’mod effettiv u realistiku”, qalet il-Ministru Dalli f’kummenti lil mezzi tax-xandir.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Business First, is-Sinjura Marika Tonna qalet li, “Bl-esperjenza diretta li għandu Business First man-negozji u l-intrapriżi, fejn matul is-sena tal-pandemija assistejna iktar minn 146,000 klijent, irrealizzajna li apparti l-assistenza finanzjarja li kienet qed tiġi mogħtija mill-gvern – bħall-wage supplement u skemi oħra – in-negozji għandhom bżonn ukoll servizz ta’ gwida fejn tidħol is-saħħa mentali u kif wieħed jindirizza tibdil kontinwu li jaffettwa l-impjegati, il-klijenti u fl-aħħar mill-aħħar, lin-negozju nnifsu. Kien għalhekk li ħadna l-inizjattiva u wellidna is-servizz ta’ MENT+”.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stephanie Dimech Sant qalet li, “Is-saħħa tagħna mhix kompluta jekk ma jkollniex ukoll saħħa mentali tajba, u għalhekk wieħed ikun qed inaqqas il-produttività u l-innovazzjoni tonqos. Għaldaqstant, huwa importanti li s-saħħa mentali tkun parti integrali mill-proċessi tan-negozju. Għalhekk b’dan is-servizz se nilħqu aktar il-ħtiġijiet kemm tas-sidien u diretturi ta’ diversi negozji”.

Sport