Għal dawn l-aħħar 12-il sena ttella’ l-programm mimli avventura HazZzard – The Quest, fejn jieħu lill-parteċipanti f’destinazzjonijiet mill-isbaħ u f’postijiet madwar id-dinja. Din is-sena l-parteċipanti, flimkien mat-tim tal-produzzjoni marru fil-Mongolja. Fost dawn il-parteċipanti kien hemm Ingrid Sammut, li meta l-esperjenza fuq il-programm intemmet, ħadet aħbar xejn sabiħa fuq saħħitha.
Min ra l-programm seta’ jara lil Ingrid tikkummenta li tinsab muġugħa b’saqajha, uġigħ li ppersista waqt il-programm. Qabel marret għall-avventura, Ingrid ġranet qabel tkellmet mal-professjonisti u diversi tobba għax bdiet tħoss xi sintomi, u waslu għall-konklużjoni li dan hu biss korriment temporanju. Ingrid tirrakkonta kif “ħafna ħasbu li hu nerv maqrus, u peress li jiena nitrenja ħafna għedt li l-uġigħ ġej minn hekk, iżda mbagħad kompliet aktar tiggrava.” Ingrid kienet titħarreġ fil-crossfit u kellha wkoll akkademja taż-żfin, u ħafna ħasbu li dan kollu ġej mill-ħafna taħriġ li qed tagħmel. Għalhekk ħasbet li issa dan l-uġigħ jgħaddi ladarba tkun hemm, u erħitilha għal din l-avventura, anke biex ma tikkanċellax din l-avventura fl-aħħar minuta.
Matul din l-avventura l-uġigħ tagħha beda jiżdied, u dan mingħajr ma lissnet kelma waħda “għax hemmhekk konna f’kompetizzjoni, u malajr tista’ tiġi ġġudikata, għax stajt eżempju nċedi posti lil ħaddieħor jekk kont muġugħa.” Iżda naturalment ma kinitx taf x’kien qed jiġri eżatt, u spiċċat tagħmel l-avventuri kollha, ħlief waħda, minħabba li f’sieqha ma kellha “sensazzjoni ta’ xejn, bħallikieku kienet sieq mejta.”
Iżda kif waslet lura minn HazZzard wara li ġiet eliminata, l-uġigħ ta’ Ingrid kompla jiggrava, anke sa ġimagħtejn wara, meta mbagħad “l-uġigħ beda jamplifika, ma nimxi xejn, billejl kont qisni nkun posseduta, niġri lejn l-Isptar b’emerġenza, sakemm imbagħad kont mort għand professur.”
Dan il-professur ordna li ssir MRI fejn kien ġej l-uġigħ. Għalhekk wara dawn it-testijiet rriżulta li kellha tumur u operawha biex ineħħu dan it-tumur, anke wara l-approvazzjoni minn Oxford, iżda waqt li qed joperaw skoprew li Ingrid għandha kanċer, fejn kif spjegat hi “kulħadd ħa qatgħa, għax ħadd ma basar li dan huwa kanċer. Wara saret biopsy biex jaraw x’tip ta’ kanċer hu, u rrizulta li huwa kanċer ta’ tip vera rari, aggressiv, u li qatt ma semgħu bih madwar id-dinja kollha, għax dan jinsab fix-xatika, xi ħaġa li qatt ma raw qabel f’din il-parti tal-ġisem.” Dan huwa kanċer li jinfirex malajr ħafna, li fiha iżda mar kontra kull norma, kanċer li t-tip tiegħu s-soltu jitfaċċa aktar fl-irġiel, fl-adolexxenti, u anke f’postijiet oħra fil-ġisem.
Infatti, bħalissa hija qed tirċievi l-kimoterapija biex tibqa’ tissielet kontra dan il-kanċer aggressiv ħafna. Għal din il-kimoterapija jkollha toqgħod sitt ijiem l-isptar, u hija kimoterapija aggressiva ħafna. Għandha tirċievi erbatax-il ċiklu, u hija tinsab fis-sitt waħda. Wara jmiss li ssirilha operazzjoni fejn jiġi maqtugħ in-nerv. Qaltilna li “kif se niġi ma nafx; jista’ jkun hemm paraliżi, jista’ jkolli bżonn ħafna terapija bix niġġenera n-nerv. Ma nafx x’ser jiġri peress li dan huwa tip ta’ kanċer li qatt ma raw bħalu. Fil-fatt ġej professur minn Oxford biex ikun jista’ jaħdem fuq il-każ tiegħi.”
Staqsejnieha kif l-isfidi matul il-programm HazZzard għenuha biex taffaċċja wkoll l-isfidi li toffri l-ħajja nnifisha u wieġbet li “ċertament jiena għandi kuraġġ ta’ ljun. Diġà kelli kuraġġ fl-affarijiet kollha li kont nagħmel qabel, iżda issa bla ma trid ikollok takkwista l-kuraġġ, għax ir-realtà hi li inti jew se tiġġieled jew se joqtlok hu. Bħal qisek qed tiġġieled kontra l-Ġgant Gulija, u jiena ser nagħmel minn kollox biex niġġieled kontra tiegħu. Jekk nista’ nkun ta’ ispirazzjoni għal dawk il-ħafna nies li jaqtgħu qalbhom, ser inkun b’saħħti mqar għal persuna waħda.”
Din għallmitha ħafna, għax fi kliemha stress “illum tlift l-aktar affarijiet li kienu għal qalbi f’ħajti, is-saħħa, kważi kważi qas qatt ma kont nieħu mediċina, kont nieħu n-naturali, kont ninvesti ħafna f’saħħti, kont nitħarreġ, u li kieku ma kontx hekk, ma kontx ser inkun b’saħħti biżżejjed biex niffaċċja dak kollu li qiegħda għaddejja minnu f’ħajti bħalissa. Ingergru ħafna u qas hawn agħar mill-mard. Meta jattakkak il-mard tinduna kemm ingergru għalxejn, kemm ma napprezzawx anke mqar meta titla’ x-xemx filgħodu u tagħmel il-ħajja normali, l-affarijiet bażiċi f’ħajjitna.” Hija tgħid li l-istil ta’ ħajja li kellha nbidel kompletament u bħalissa l-iktar ħaġa importanti għaliha hija saħħitha.
Hija ssemmi s-sapport li sabet mill-partner tagħha, il-familja u l-ħbieb, fejn esperjenza bħal din iġġiegħlek tirrealizza min hu vera ħabib tiegħek, u min mhuwiex daqshekk, iżda li “minn ħaġa kerha jista’ joħroġ ukoll is-sabiħ.”
Ingrid tgħid li tixtieq tagħmel kuraġġ lil kull min għaddej minn xi tip ta’ sfida jew oħra. Barra minn hekk, tagħmel kuraġġ biex dak li jkun japplika għal HazZzard u jesperjenza l-avventura. Aħna nawguraw fejqan ta’ malajr lil Ingrid li żgur li l-istorja tagħha hija ta’ ispirazzjoni għal ħafna.