Bħal-lum 20 ta’ Awwissu tas-sena 1948, ħaddiema mill-African Wharfage Company fil-belt ta’ Zanzibar fit-Tanzanija għamlu strajk u bdew jitolbu pagi aħjar u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Il-ħaddiema kienu qegħdin jitolbu paga ta’ 66 xelin fix-xahar. L-istrajk beda b’mod kajman imma dan beda jaffettwa l-provvisti ta’ ikel fiż-żona.
Il-Gvern kolonjali Ingliż ipprova jkisser l-azzjoni u dan billi ordna lir-residenti jagħtu l-armi li kellhom lill-Pulizija. Kien projbit ukoll li jsiru meetings fil-pubbliku jekk mhux ma jkunux approvati mill-Pulizija.
Meta ra li ma rnexxielux iwaqqaf l-effett tal-azzjoni, il-Gvern kolonjali Ingliż ipprova jirrekluta ħaddiema minn Mkoktoni, li hi belt żgħira. Ħadd iżda ma indaħal biex jaħdem.
Meta l-Puliizja marru fil-port biex jeskortaw lil dawn il-ħaddiema li kellhom ikissru l-istrajk, minflok il-ħaddiema sabu folla ta’ protestanti jistennewhom. Kif il-folla rat il-karozzi tal-Pulizija bdiet titfgħalhom il-ġebel. Żewġ persuni kienu arrestati u dan irrabja bil-kbir il-folla. Il-Pulizija ordnaw lill-folla biex titferrex u meta dan ma sarx attakkawhom bil-gass tad-dmugħ.
L-azzjonijiet tal-Pulizija ma wasslu imkien. B’dak li ġara, xi ħaddiema marru fil-belt u bdew iħeġġu lill-ħaddiema jieqfu mix-xogħol. Filfatt ħafna ħaddiema waqfu mix-xogħol u l-amministratur tal-kolonja, Vincent Glenday, iddikjara stat ta’ emerġenza.
Finalment il-ħaddiema ingħataw żieda fil-paga, ħlas għas-sahra u ikla bla ħlas kuljum. Sa Diċembru għadd kbit ta’ ħaddiema oħra fosthom ħaddiema fiċ-ċivil, furnara u ħaddiema tal-fabbriki ukoll ħadu żieda fil-paga u titjib fil-kundizzjonijiet.




